Il-prostituti jispiċċaw f’periklu jekk jitqiesu kriminali – Aditus u Integra

Read in English.

Il-kriminalizzazzjoni tal-prostituzzjoni tkun qed tisforza lill-prostituti biex joperaw fil-periferiji tas-soċjetà f’kundizzjonijiet perikolużi u għaldaqstant ikunu esposti għal vjolenza, diskriminazzjoni u abbuż. Dan qaluh l-għaqdiet mhux governattivi Aditus Foundation u Integra Foundation.

Fis-sehem tagħhom fil-proċess ta’ konsultazzjoni organizzat mill-Gvern dwar ir-riforma fil-liġi dwar il-prostituzzjoni, iż-żewġ organizzazzjonijiet jinkoraġixxu riforma fil-liġi eżistenti sabiex b’hekk ikunu miġġielda d-diskriminazzjoni u l-emarġinazzjoni tal-prostituti u biex jitjiebu l-aċċess tagħhom għall-kura tas-saħħa, għall-housing, għas-servizzi soċjali u l-protezzjoni tal-liġi.

Iż-żewġ organizzazzjonijiet qalu li kull riforma f’dan il-qasam għandha tkun intenzjonata li tassigura li l-persuni li jagħmlu xogħol sesswali jagħmlu dan bil-volontà tagħhom u għandhom iħossuhom liberi li joħroġu minnu meta jridu mingħajr ma jkunu sfruttati.

Aditus u Integra qalu li tipi differenti ta’ diskriminazzjoni, rappreżentanza baxxa tan-nisa f’pożizzjonijiet għoljin, diskriminazzjoni bbażata fuq l-identità tal-ġeneru l-orjentazzjoni sesswali, ir-razza u l-immigrazzjoni kollha għandhom impatt fuq l-awtonomija tal-prostituti u fuq il-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Kull tip ta’ riforma trid tfittex li tagħmel distinzjoni bejn prostituzzjoni u prattiċi ta’ sfruttar bil-ħsieb li telimina kompletament din tal-aħħar. Ir-riforma trid tfittex li tassigura li l-ebda persuna m’għandha tkun sfurzata biex tidħol fil-prostituzzjoni bħala mezz ta’ għajxien.

Nota editorjali: Fil-pożizzjoni tagħhom, Aditus u Integra użaw it-terminu “ħaddiema tas-sess” (sex workers). Newsbook.com.mt, konformi wkoll ma’ Dar Hosea u entitajiet oħra li jgħinu lill-prostituti, ma taċċettax din it-terminoloġija minħabba li t-terminu “ħaddiem” (worker) jimplika għażla, filwaqt li fil-maġġoranza assoluta tal-każi, il-prostituzzjoni mhijiex professjoni li tagħmilha b’għażla.