Il-prostituta għandha tiġi dikriminalizzata, il-prostituzzjoni le – Catholic Voices

Read in English.

 Il-Catholic Voices Malta għamlet il-pożizzjoni tagħha ċara dwar ir-riforma dwar it-traffikar uman u l-prostituzzjoni f’Malta. Huma qalu li l-prostituti għandhom jiġu dikriminalizzati iżda l-prostituzzjoni għandha tibqa’ illegali u għandhom jiħraxu l-pieni għal dawk li jinsabu ħatja bi traffikar uman, l-operaturi ta’ postijiet fejn qed ikun hemm traffikar ta’ bnedmin, pimps u persuni li qed ifittxu s-servizz tal-prostituzzjoni. Żiedu li l-istrip clubs u postijiet simili m’għandux ikollhom liċenzja biex joperaw.  

Il-Catholic Voices Malta qalet li filwaqt li jilqgħu din ir-riforma li qed issir dwar dan is-suġġett, saħqet li l-vittma tat-traffikar u tal-prostituzzjoni għandhom ikunu fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li tittieħed.

Sostnew li r-riforma għandha nuqqas li tirrikonoxxi li l-prostituzzjoni hija intrinsikament ħażina għax qed tmur kontra d-dinjità umana tal-persuna. Dan jista’ jwassal biex mhux biss tiddikriminalizza l-prostituta iżda tirregolarizza forom ta’ prostituzzjoni bħala attività ta’ xogħol regolari.

Żiedu li bħala Catholic Voices Malta jekk prostituta hija vittma, jaqblu li din għandha tiġi dikriminalizzata madankollu l-porstituta tibqa’ vittma anke wara li titneħħa l-istigma u dan ix-xogħol jiġi regolarizzat. Saħqu li jekk il-prostituti huma vittmi, jibqgħu vittmi irrelevanti jekk ġewx sfurzati jew jekk hux minħabba ċirkostanzi oħrajn.

Din ir-riforma tgħid li se tkun qed timxi mad-drittijiet tal-bniedem u għalhekk il-prostituzzjoni tikser il-prinċipju tad-dritt tal-bniedem dwar id-dinjità tal-persuna.

Il-Catholic Voices Malta ħeġġet lill-Gvern biex ma jiġix suġġett mit-talbiet ekonomiċi tal-operaturi tal-Gentlemen’s Clubs li jargumentaw li dawn is-servizzi għandhom ikunu aċċessibbli. Huma saħqu li n-nisa m’għandhom qatt ikunu wżati fl-industrija.

Huma ħeġġew li r-riforma għandha tiffavorixxi mudelli li huwa ta’ suċċess fejn jidħol traffikar tal-bnedmin. Semmew li hemm bżonn li tonqos il-prostituzzjoni u n-nisa jsibu xogħol dinjituż u jgawdu minn rispett sħiħ bħall-mudell Żvediż.

Saħqu li d-dinjità tal-persuna tmur lil hinn mill-mod kif persuna toħroġ mill-prostituzzjoni u hemm bżonn li ma jiġix aċċettat li jintuża l-ġisem tal-mara. Huwa importanti li jkun hemm opportunitajiet dinjitużi ta’ xogħol fejn il-mara tħossha apprezzata mhux umiljata għax-xogħol li kienet tagħmel.