Il-prosekuzzjoni ordnata tgħaddi l-istqarrijiet tax-xhieda lid-difiża

Fil-kumpilazzjoni tal-provi kontra Anthony Debono, ir-raġel tal-eks-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono, id-difiża akkużat lill-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija b’disprezz lejn il-Qorti wara li injoraw l-ordni tal-Qorti stess li jgħaddu stqarrijiet li x-xhieda għamlu mal-Pulizija.
Id-difiża ħadet din il-pożizzjoni wara li talbet stqarrijiet iżda ġiet infurmata li t-talba ġiet miċħuda.
L-Avukat difensur sostna li fil-ġranet li għaddew ma kienx hemm problemi għal din it-talba u kollox inbidel fl-aħħar sigħat.
Enfasizza li t-talba tad-difiża ġiet rikonoxxuta b’ordni tal-Qorti stess.
Anthony Debono ta’ 59 sena min-Nadur jinsabu akkużat bi 13-il kap ta’ akkuża fosthom li għamel użu ħażin minn fondi pubbliċi.
Il-Maġistrat li qed jippresedi l-kawża kkundanna l-pożizzjoni meħuda mill-prosekuzzjoni u ordna lill-Avukat Ġenerali biex jimxi mad-deċiżjoni tal-Qorti.
Il-prosekuzzjoni iżda qed issostni li hemm stqarrijiet, li fihom ma jissemmiex Anthony Debono, li jekk jingħataw u jsiru pubbliċi jistgħu jxekklu investigazzjonijiet oħra.
Kien il-Kummissarju tal-Pulizija li ressaq rikors biex l-Avukat Ġenerali ma jgħaddix l-istqarrijiet lid-difiża.
Il-każ se jkompli fl-24 ta’ Frar li ġej fejn huwa mistenni li jiġu deċiżi d-dati meta jsir l-aċċess fil-postijiet fejn allegatament intużaw fondi pubbliċi għax-xogħlijiet privati.