Il-Prosekutur Finanzjarju Franċiż mitlub jinvestiga self lil Electrogas

Read in English.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Finanzjarju Nazzjonali Franċiż intalab jiftaħ investigazzjoni fuq ħasil tal-flus ta’ korruzzjoni, kompliċità u ħabi ta’ affarijiet misruqin kontra erba’ banek Franċiżi u fond ta’ investiment b’rabta ma’ self għall-benefiċċju ta’ Electrogas Malta Limited.

L-ilment infetaħ kontra l-banek BNP Paribas, Societe Generale, Natixis, CIC u Rivage Investment.

Fi stqarrija ppubblikata mill-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia, ġie spjegat li fit-30 ta’ Settembru, il-Fondazzjoni u Sherpa appellaw lill-Prosekutur Finanzjarju Nazzjonali Franċiż sabiex jieħu azzjoni.

Wieħed mix-shareholders xehed fl-inkjesta pubblika lbieraħ
Mark Gasan jiċħad li fl-2013 mar ikla li għaliha kien hemm Joseph Muscat

Sherpa hi assoċjazzjoni li nħolqot fl-2001 bil-missjoni li tiġġieled forom ta’ impunità b’rabta mal-globalizzazzjoni u biex tiddefendi l-komunitajiet li huma vittmi ta’ reati ekonomiċi.

Xahrejn wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, banek Franċiżi, permezz tas-sussidarji jew ta’ fergħat oħra, u ta’ fond ta’ investiment, ħarġu self lil Electrogas Malta Limited. Ftit xhur qabel intemm dan is-self, il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kienet żvelat li l-kuntratt se jkun imbagħbas bil-korruzzjoni.

Fil-bidu ta’ Settembru
L-Electrogas tgħid li mhix korrotta

Il-Fondazzjoni u Sherpa argumentaw li minkejja li seħħ l-assassinju f’Ottubru tal-2017, minkejja l-iskandlu tal-Panama Papers, minkejja 17 Black li sidha huwa Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju, dak iż-żmien direttur u shareholder fl-Electrogas, l-erba’ banek Franċiżi, permezz tas-sussidjarji jew fergħat tagħhom, kif ukoll il-kumpanija tal-immaniġġjar, xorta waħda sellfu somma flus lil Electrogas Malta Limited f’Novembru tal-2017.

Fl-istqarrija tagħhom żiedu jgħidu li dawn l-intermedjarji finanzjarji huma suġġetti għall-obbligi AML/CFT u jridu jidentifikaw is-sidien benefiċjarji tal-kumpaniji li jinnegozjaw magħhom. Fil-każ tas-self lil Electrogas, saħqu l-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia u Sherpa, li kieku għamlu tiftixa ta’ malajr fuq Google wkoll kienu jintebħu li l-attività tal-kumpanija ġejja mill-korruzzjoni.