“Il-proposti tiegħi jistgħu jagħtu ħajja ġdida lill-PN” – Louis Galea

Louis Galea, li huwa inkarigat mill-Proċess Riforma u Tiġdid fi ħdan il-Partit Nazzjonalista qal li jekk il-proposti li għamel hu jiġu aċċettati, dawn se jagħtu ħajja ġdida lill-partit.

B’reazzjoni għal rapport f’ġurnali lokali li semmew tibdil fl-isem tal-Partit Nazzjonalista, Galea qal li dawn bl-ebda mod ma jirriflettu s-sustanza ta’ dak li qed jipproponi u jiġi diskuss fil-partit. Qal li huwa ovvju li “r-riforma meħtieġa fil-PN hija ħafna akbar mill-bidla fl-isem”.

Fi stqarrija, Galea spjega li fit-tieni ġimgħa ta’ Jannar, il-Membri Parlamentari kollha kienu mistiedna għal diskussjoni. Hu ppreżenta u ddiskuta l-proposti tiegħi fi tliet sessjonijiet. Minn hemm ġabar numru ta’ suġġerimenti tal-Membri Parlamentari li ġew inkorporati fil-proposti. Spejga li l-pass li jmiss huwa li d-diskussjoni tgħaddi fi ħdan il-Kumitat Eżekuttiv, imbagħad fl-Assembleji tal-Kunsilliera. Wara tittieħed id-deċiżjoni finali fil-Kunsill Ġenerali.

Galea sostna li r-riforma u t-tiġdid tal-PN huma urġenti u fl-interess sew tal-partit u tal-pajjiż. Hu ssottometta proposti dwar:

  • ħidma aktar effettiva mill-Grupp Parlamentari;
  • riformi meħtieġa b’mod urġenti fil-qafas istituzzjonali u politiku biex pajjiżna jirritorna għat-triq ta’ demokrazija sħiħa u governanza tajba;
  • aġġornament tal-Istqarrija tal-Missjoni tal-partit li tipprovdi l-bażi għall-aġġornament tal-ħsieb u l-politika tal-partit; u
  • tibdil bl-iskop li l-partit jiġi riorganizzat madwar struttura politika demokratika u effettiva li taħdem permezz ta’ tim f’kull livell.

Kompla jgħid kif minħabba dan l-iskop, ippropona abbozz li jaġġorna l-Istatut tal-partit billi jagħti każ l-iżviluppi li seħħew fis-soċjetà fl-aħħar snin, kif ukoll il-bżonn urġenti li l-partit jorganizza ruħu fuq sisien b’saħħithom u moderni.

Spjega li l-proposti fassalhom wara diskussjonijiet li kellu mal-kumitati lokali kollha f’Malta u Għawdex, mal-Membri Parlamentari kollha tal-PN individwalment, mal-Ferghat tal-partit (żgħżagħ, nisa, ħaddiema, APAN, opportunitajiet indaqs, SMEs, professjonisti, kunsilliera u eks-Deputati u Kandidati), mal-ufficjali tal-Partit, inkluz il-Kap tal-PN u ma’ numru sew ta’ Maltin u Għawdxin li urew ix-xewqa li jesprimu ruhħhom fuq is-sitwazzjoni.

Galea qal li analizza wkoll il-kwestjonarju li mlew il-Kumitati Lokali dwar x’jaħsbu li l-partit għandu jagħmel biex jiġġedded, jissaħħaħ u jsir għodda aktar effettiva għall-ġid tal-poplu.

Insista li beħsiebu jaħdem sabiex issir diskussjoni b’mod informat u kostruttiv li tgħin lill-Kunsilliera tal-partit jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa fl-akbar interess tal-partit u tal-pajjiż .