Il-proposti tat-trakka tal-Marsa ttejbu bil-proposti tagħna – PN

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista fi stqarrija qalet li kien permezz tal-proposti tagħha li ttejbu l-kundizzjonijiet tal-proġett tat-trakka taż-żwiemel u l-polo fil-Marsa. Żiedet li għalhekk id-dilettanti taż-żwiemel se jkollhom kundizzjonijiet aħjar bil-ftehim milħuq fil-Parlament.

Il-Partit Nazzjonalista qal li ressaq diversi punti fil-Parlament biex tassigura li l-proposti ġodda li ma kinux fil-kuntratt oriġinali jitressqu fil-Parlament. Fost dawn il-punti l-PN insista li l-investiment għandu jkun wieħed sportiv u l-operatur għandu jinvesti €24 miljun f’faċilitajiet sportivi tal-korsa tal-Marsa. Żied li l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards ta’ dawn il-faċilitajiet għandhom ikunu determinati mill-Awtorità li se tiġi stabbilita mill-Gvern bħala regolatur.

Proposta oħra kienet li x-shareholders tal-operatur ma jistgħux jinbidlu fl-ewwel erba’ snin mingħajr il-kunsens tal-Gvern u għalhekk jiġi assigurat illi l-ewwel irid jitlesta l-proġett. Tkellmu wkoll fuq il-prize money li jieħdu r-rebbieħa kif ukoll fuq il-prezz tal-kitba tat-tiġrijiet taż-żwiemel.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-parkeġġ għandu jkun b’xejn għas-sewwieqa tal-karrijiet taż-żwiemel u s-sidien tagħhom u x-xogħol fuq it-trakka m’għandux idum iktar minn 6 snin. Tkellmu wkoll dwar il-proposta li jiġu introdotti t-tlielaq tal-klieb fejn l-Oppożizzjoni qalet li għandha titneħħa kull possibilità wara l-appell pubbliku magħmul mill-għaqda non-governattiva Malta Society for the Protection and Care of Animals (MSPCA). Ikkonkludew li għandu jintlaħaq ftehim mal-Malta Polo Club qabel u mhux wara il-kuntratt.

Il-Partit Nazzjonalista qal li dwar il-Malta Polo Club, l-Oppożizzjoni għamlitha ċara li ma kinitx se taċċetta sitwazzjoni fejn il-kuntratt mal-operatur kien se jiġi finalizzat qabel ma dan jintlaħaq ftehim mal-Malta Polo Club.