Il-proposti tal-MEA kontra d-drittijiet bażiċi tal-impjegati – FOR.U.M

Il-Forum Unions Maltin isostni li l-proposti tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem imorru kontra d-drittijiet bażiċi tal-impjegati. Jisħaq il-pożizzjoni tiegħu kontra l-kunċett li s-sick leave jiġi deċiż, skont jekk il-kundizzjoni tkunx ikkawżata minn kawża naturali, jew mill-ħaddiem innifsu.
Fi stqarrija, il-FOR.U.M qal li l-kredibbiltà fil-proposti tal-MEA kien ikollhom bażi kieku ma kinux jiġbdu lejn naħa waħda.
Filwaqt li jaqbel mal-MEA li l-liġijiet tal-impjiegi għandhom bżonn jiġu aġġornati f’dak li hu relatat mar-rikonoxximent tal-unjins, il-FOR.U.M mhux se jippermetti li jiġu introdotti dawn il-proposti.
Fl-eventwalità li l-Gvern jaċċetta li jiddiskuti dawn il-proposti, il-FOR.U.M lest li jingħaqad mal-General Workers Union u jopponi l-maġġor parti tal-proposti.
Il-FOR.U.M isostni li fuq kollox huwa inaċettabbli li d-drittijiet bażiċi tal-impjegati qed jiġu diskussi.