Il-proposti tal-Gvern se joħolqu klassijiet inferjuri għall-għalliema – MUT

Il-President tal-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT) Marco Bonnici qal li l-aħħar sett ta’ proposti tal-MCAST joħolqu għalliema tat-tieni u tat-tielet klassi, għad-detriment tal-għalliema tas-suġġetti vokazzjonali.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret wara strajk ta’ sagħtejn mill-edukaturi, Bonnici saħaq li l-unjin ma setgħetx taċċetta l-proposti li fil-fehma tiegħu tħejjew bl-għaġla mill-MCAST lejlet l-istrajk.
Bonnici saħaq li l-MUT ma setgħetx taċċetta li jkun hemm firda bejn is-setturi vokazzjonali u dawk akkademiċi fl-istess istituzzjoni. Spjega li l-proposti tal-MCAST kienu se jwasslu biex għalliem li għadu dieħel jibda jaqla’ paga aħjar minn għalliem li jkun ilu jaħdem fl-MCAST għal 17-il sena.
Bonnici rrimarka wkoll li hemm punti oħra ta’ diskussjoni li dwarhom hemm nuqqas ta’ progress, fosthom ir-riżorsi għax-xogħol, il-pakkett finanzjarju għall-2018, u n-numru ta’ lezzjonijiet fil-ġimgħa.
L-MCAST kienet qalet fi stqarrija li bħala istituzzjoni qed tagħmel l-għalmu tagħha sabiex iżżomm attitudni pożittiva u ssib soluzzjonijiet ġusti u favorevoli għal kulħadd.
Ritratt: MUT