“Il-proposti ta’ Macron mhumiex fl-interess ta’ Malta” – Alfred Sant

Il-Kap tad-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li l-proposti tal-President Franċiz Emmanuel Macron għall-ġganti tal-internet se iwasslu biss għall-armonizzazzjoni tat-taxxa fl-Ewropa.
F‘intervista ma’ France 24, Alfred Sant ġie mistoqsi mill-ġurnalista Catherine Nicholson, dwar jekk il-proposti ta’ Macron kienux  ħa jkunu problematiċi għall-pajjiżi kemxejn iżgħar.
Dr Sant żied jgħid li ma jaqbilx mas-soluzzjonijiet offruta inkluz proposta dwar taxxa konsolidata komuni.
Spjega li dan minħabba li din tista’ tkompli tnaqqas il-flessibilità tal-istati membri ż-żgħar u periferali tal-Unjoni Ewropea bħal Malta, li kontinwament tipprova tattira l-investiment barrani lejha.
Mill-banda l-oħra Sant wera qbil li jkun hemm ċertu trasparenza fejn tidħol ġbir ta’ taxxa fl-Unjoni Ewropea.
Offra soluzzjoni għall-qasam tat-tassazzjoni meta qal li fuq bażi nazzjonali diġà hemm għodda biex nimxu ‘l quddiem. Saħaq li kull stat membru jista’ jippubblika l-ismijiet tal-kumpaniji u l-kontribuzzjoni tagħhom fit-taxxa.
Il-MPE Laburista żied jgħid li permezz ta’ awditjar intern fuq il-VAT, wieħed ikun jista’ jara t-turnover ta’ kumpaniji differenti.
Qal ukoll li anki l-Istati Uniti għandhom libertà fil-kompetizzjoni tat-taxxa u li l-ebda stat ma hu obbligat li jsegwi r-regoli ta’ stati oħra.