Il-proposti mwiegħda tal-Partit Laburista se jiswew €782 miljun

Il-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat qal li għal kuntrarju tal-Partit Nazzjonalista, il-proposti tal-partit tiegħu huma sostenibbli u realistiċi.

It-836 proposti tal-Partit Laburista b’kollox se jiswew €782 miljun filwaqt li tal-Partit Nazzjonalista jaqbżu l-biljun ewro.

Qal li bil-wiegħdi tiegħu, il-Partit Nazzjonalista ma jistax imexxi pajjiż u l-uniku mod biex imantni l-pajjiż se jkun li jdaħħal taxxi ġodda. Sostna li l-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali urew biċ-ċar li l-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista mhumiex sostenibbli.

Dr Muscat qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed inaqqas in-nefqa tiegħu b’€34 miljun fosthom mis-servizzi soċjali, saħħa u edukazzjoni. Sostna li jekk jitnaqqas l-infieq tal-Gvern u tonqos il-burokrazija ikun hemm kontribuzzjoni diretta fl-ekonomija.

Il-Partit Laburista spejga kif se jkun it-tqassim tan-nefqa kapitali mifrux fuq erba’ snin:
• Infrastruttura u Ambjent – 24.3%
• Edukazzjoni – 23.1%
• Servizzi Soċjali – 16.3%
• Xogħol u Ekonomija – 12.3%
• Saħħa – 9.6%
• Għawdex – 7.2%
• Ġustizzja u Intern – 7.2%

Total – €416.2 miljun