“Il-proposti jitwettqu fil-ħin u skont il-baġit” – Dr Joseph Muscat

Il-Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li permezz tar-roadmap tal-Partit immexxi minnu, se tingħata imbuttatura għall-ħolqien tal-ġid f’Għawdex, fosthom permezz ta’ programmi speċifiċi għal min joħloq ix-xogħol fil-gżira Għawdxija.

Waqt laqgħa li kellu mal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, f’Marsalforn, Dr Muscat semma’ kif Gvern Ġdid se jwaqqaf Fond li permezz tiegħu jgawdi min se joħloq ix-xogħol f’Għawdex. Fl-ewwel sena, qal li mill-Gvern, jekk jingħata l-fiduċja tal-poplu, huwa jinvesti €1 miljun għal din il-miżura.

Il-Mexxej Laburista qal li f’laqgħat bħal dawn dejjem toħroġ il-karba biex il-proposti li jsiru mill-politiċi, jitwettqu fil-ħin, u fil-qafas baġitarju li jkun sar. Għalhekk qal li Partit Laburista fil-gvern ikollu politiku responsabbli mill-implimentazzjoni tar-roadmap, li se jkun ukoll il-Viċi Prim Ministru.

Dr Muscat semma’ swieq ġodda għall-gżira Għawdxija, fosthom l-edukazzjoni u l-mediċina. Qal li f’Għawdex jeżisti lok għal istituzzjoni speċifika fil-qasam tal-edukazzjoni u l-mediċina. Semma’ wkoll is-suq tal-cruise liners, permezz tal-proposta tal-cruise liner passenger terminal. Semma l-wegħda li jingħataw inċentivi lill-operaturi fil-qasam, li jkunu lesti jieqfu f’Malta u f’Għawdex.

Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt.