Il-proposta għal iktar ugwaljanza Parlamentari xxekkel id-demokrazija – PD

Read in English.

Il-Partit Demokratiku qal li l-proposta mressqa mill-Gvern dwar ir-rappreżentanza tan-nisa hi waħda li timmina d-demokrazija f’Malta.

Fi stqarrija, l-PD sostna li l-mekkaniżmu biex jiżdiedu iktar in-nisa fil-Parlament jimmina d-demokrazija u jagħti definizzjoni ġdida ta’ xi tfisser demokrazija. Żied jgħid li dan it-tip ta’ mekkaniżmu jnaqqas mill-kredibilità tal-Membri Parlamentari nisa.

Il-Partit Demokratiku saħaq li saret prattika tal-Gvern li jinħoloq kumitat b’persuni magħżulha u li jwasslu għar-riżultat mixtieq mill-Gvern. Dwar l-ingwaljanza bejn is-sessi, il-PD stqarr li jkun aħjar jekk isir ħidma biex din tintlaħaq barra mill-Parlament. Żied jgħid li n-nuqqas ta’ rappreżentanza fil-Parlament hi biss riflessjoni ta’ x’jiġri fis-soċjetà.

Il-Membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni u eks Kap tal-PD Marlene Farrugia sostniet li l-liġijiet waħidhom mhux se jġibu l-ugwaljanza u l-ġustizzja u għaldaqstant hemm bżonn ir-rieda, azzjoni, u eżempji mill-awtoritajiet. Dan żiedet tgħid għandu jġib miegħu il-bidla meħtieġa biex ikun hemm iktar rappreżentanza tan-nisa.

Farrugia temmet tgħid li jekk fil-Parlament hemm nisa u rġiel li jaħsbu li se jindirizzaw in-nuqqas ta’ rappreżentanza billi jintroduċu dawn il-mekkaniżmi, se jkunu qed ixekklu d-demokrazija.