Il-proklamazzjoni tal-kelma t’Alla dejjem se ssib oppożizzjoni

Il-Papa Franġisku kompla bil-katakeżi tiegħu ta’ kull ġimgħa fil-Vatikan, din id-darba b’riflessjoni fuq id-diskors ta’ Kristu lill-Appostli meta qalilhom “se nibgħtkom bħal ngħaġ fost l-ilpup… Kulħadd ikun jobgħodkom minħabba f’ismi, iżda min jibqa’ jsofri sal-aħħar, isalva”.
Meta Kristu bagħat lid-dixxipli tiegħu fuq missjoni ma imlihomx b’ħafna illużjonijiet ta’ suċċess faċli; anzi, wissihom li l-proklamazzjoni tas-Saltna t’Alla dejjem se ssib oppożizzjoni. “In-nisrani iħobb, iżda mhux dejjem hu maħbub u ftit jew wisq l-istqarrija tal-fidi dejjem issir fi klima ta’ ostilita’.
 
“U għax id-dinja hi mmarkata bid-dnub, l-insara huma nisa u rġiel li dejjem sejrin kontra l-kurrent. Dan mhux għax huma polemikużi jew iħobbu jargumentaw, imma minħabba il-‘loġika tal-Vanġelu’ li hi loġika ta’ tama u li twassal għal stil ta’ ħajja skont it-tagħlim ta’ Kristu”, qal il-Papa Franġisku.
 
L-insara għalhekk jgħixu ħajjithom mimlija bl-imħabba. Bħala ngħaġ fost l-ilpup, iridu jkunu prudenti u kultant makakki. Iżda ma għandhom qatt jirrikorru għall-vjolenza. “Biex wieħed jirbaħ il-ħażen ma jistgħax juża il-metodi tal-ħażen”.
 
Is-saħħa tan-nisrani hi fl-Evanġelju. Fi żminijiet diffiċli, l-insara għandhom jiftakru li Kristu hu dejjem magħhom; “Alla hu aktar b’saħħtu mill-ħażen, aktar b’saħħtu mill-mafia, mill-pjanijiet moħbija, minn dawk li jistagħnew minn fuq dahar   l-iddisprati, minn dawk li b’arroganza jirrumblaw minn fuq kulħadd,” sostna l-Papa.
 
U għalhekk l-insara dejjem isibu ruħhom ‘fuq in-naħa l-oħra’ fejn tidħol id-dinja. Isibu ruħhom fuq in-naħa magħżula minn Alla: “mhux persekuturi iżda persegwitati, mhux arroganti iżda twajba, mhux ibiegħu d-duħħan imma mpenjati għall-verita’, mhux impusturi imma nies onesti”.
 
Din il-mixja wara Kristu, qal il-Papa, l-ewlenin insara kienu jsejħula martirju – li tiffser tagħti xhieda. “Il-martri ma jgħixux għalihom infushom, ma jiġġieldux biex jimponu l-ideat tagħhom, jaċċettaw li jmutu għax jibqgħu fidili lejn l-Evanġelju.  Imma anke li wieħed jagħti ħajtu ma għandha ebda valur mingħajr karita’”, qal il-Papa jirrepeti dak li kien stqarr San Pawl.
Il-Papa Franġisku sostna li s-saħħa tal-martri – li llum hawn minnhom aktar milli kien hemm fl-imgħoddi – hi sinjal tat-tama kbira li animathom: iċ-ċertezza li ħadd u xejn ma kien se jifridhom mill-imħabba Alla.