Aġġornata(6): ​Il-proklama fil-każ tat-tixħim għax-xiri taż-żejt kienet meħtieġa – Il-Pulizija

Il-proklama mogħtija ta’ maħfra Presidenzjali għal min jixhed fil-każ tal-allegat tixħim għax-xiri taż-żejt “kienet meħtieġa”.
Hekk qal l-Ispettur Angelo Gafà quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi llejla, hekk kif spjega li l-Pulizija ma kellha ebda każ kontra George Farrugia.
L-Ispettur Gafà qal li bis-saħħa tal-proklama, il-Pulizija setgħet tipproċedi kontra tliet persuni oħra: Alfred Mallia, Tarcisio Mifsud u Raymond Ferris. Spjega li l-ewwel persuna li ammetta għal xi akkużi kien Frank Sammut.
Qal ukoll li jħoss li dak li George Farrugia qal lill-Pulizija hu minnu għalkemm l-uniku dikjarazzjoni li baqa’ jirreżisti kienet l-ammissjoni li Total kienet involuta, li eventwalment ammetta wara li  ngħatatlu l-proklama.
L-Ispettur Gafà kkwota dikjarazzjonijiet ta’ Farrugia fosthom li wara li spiċċa minn chairman Tancred Tabone “bdiet era oħra”. Qal ukoll li Farrugia ta għadd ta’ rigali b’valur għoli, fosthom cufflinks tad-djamanti, lil persuni fi ħdan l-Enemalta. Spjega li madankollu għall-Pulizija mhux biżżejjed li jagħtu prova li ngħata rigal imma li r-rigal kien marbut mat-teħid ta’ deċiżjoni partikolari.
L-ispettur qal ukoll li sakemm kien qed jaħdem hu fuq l-investigazzjoni, jiġifieri sad-9 ta’ Ġunju 2013, kien iħoss li kien fadal nies x’jitressqu l-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ.
Dawn kienu jinkludu lil Tim Waters minn Trafigura li ma kienx jinsab Malta u li għalih kien qed jikkontempla International Arrest Warrant, u l-ħames aħwa ta’ George Farrugia li, skont l-ispettur, erbgħa minnhom ammettew li kienu jafu b’tixħim li kien ħallas ħuhom f’isem il-kumpanija tal-aħwa Farrugia.
George Farrugia kien qal lill-ispettur li kien talab proklama għal ħutu iżda ma kinitx ingħatatlu.
L-Ispettur Gafà qal li xtaq li l-Pulizija rnexxielha toħroġ iktar mill-investigazzjoni tagħha.
Għall-kumment tal-Ministru Owen Bonnici, li kien hemm mumenti li George Farrugia ma kkonvinċihx fix-xhieda tiegħu quddiem il-Kumitat, l-Ispettur qal “anke aħna”.
L-Ispettur qal ukoll li l-Pulizija dak iż-żmien kienet intervistat lill-eks Ministru Austin Gatt iżda interrogat lill-eks Ministru Tonio Fenech.
Qal li Austin Gatt kien insista li kien ordna li Frank Sammut jitneħħa minn konsulent dwar ix-xiri taż-żejt għaliex kien ingħata Lm40,000 f’terminal benefit mill-MOBC. Għalhekk ma kienx ħass li kellu jibqa’ konsulent. 
Fl-interrogazzjoni tiegħu, l-eks Ministru Tonio Fenech kien qal li qatt ma rċieva rigali mingħand George Farrugia u li ma kienx jiftakar li xi darba George Farrugia kien mar għandu.
Kien qal li ftakar li mart ħu Farrugia (Agnes) kienet qalet li tammirah u li kienet għamlet arloġġ Malti li ngħata lilu minn hu Farrugia (Raymond) u martu. Kien eskluda li l-arloġġ kien jiswa €5,000 u li kien għadu d-dar għandu.
L-ispettur qal li kien ra l-arloġġ id-dar ta’ Fenech iżda l-Pulizija qatt ma talbet stima tiegħu.
Kien hemm arloġġ ukoll li ngħata lill-Partit Nazzjonalista.
Iż-żewġ arloġġi, qal l-ispettur, tħallsu eventwalment minn Powerplan għall-prezz ta’ Lm400-500 kull wieħed. Tonio Fenech madankollu ma kienx jaf li l-arloġġ tħallas minn Powerplan. 
L-Ispettur Gafà qal li mill-investigazzjoni tal-Pulizija ma rriżultax li Austin Gatt jew Tonio Fenech kienu  involuti f’dan il-każ jew li ttieħdet xi deċiżjoni minnhom wara xi għoti ta’ xi rigal.
Mistoqsi dwar jekk il-Pulizija kellmitx lill-eks Chairman tal-Enemalta Alex Tranter, l-ispettur qal li le għaliex fl-ebda ħin ma kien issemma' fl-investigazzjoni.
It-tim investigattiv, kif feġġ il-każ, kien magħmul mill-Ispettur Gafà, l-Assistent Kummissarju Michael Cassar, is-Supretendent Paul Vassallo u f’xi waqtiet il-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, is-Supretendent Vassallo biss baqa’ jokkupa l-istess kariga.
Il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi llejla qed ikompli jittratta l-allegat korruzzjoni fix-xiri taż-żejt għall-Enemalta, billi jressaq xhieda.