Il-progressivi u l-liberali jħarsu l-ħajja – L-Isqof Galea Curmi

Ritratti: Kurja – knisja.mt

Read in English.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qal li m’hemm xejn aktar progressiv u liberali mill-ħarsien tal-ħajja umana. Qal li t-telfa ta’ dawk l-ulied li twaqqfitilhom il-ħajja fil-ġuf mhijiex biss telfa ghal min jemmen fi Kristu, imma hija telfa għal kull min kapaċi japprezza l-ħajja umana.

Waqt Quddiesa organizzata mill-Fondazzjoni LifeNetwork b’tifkira tal-vittmi tal-abort fid-dinja, l-Isqof qal li l-Insara jibku ma’ min ħa deċiżjoni li jtemm ħajja umana, hi x’inhi r-raġuni. Qal li seta’ kien hemm ommijiet li flok sabu min jgħinhom, sabu min iktar jippressahom biex itemmu l-ħajja. Hi x’inhi r-raġuni, tenna l-Isqof, jalla jsibu min jieqaf magħhom biex jgħaddu mill-proċess ta’ maħfra u ta’ fejqan sħiħ.

L-Isqof Galea-Curmi qal li m’hemm xejn aktar progressiv u liberali mill-ħarsien tal-ħajja umana. Fisser kif li trid il-progress ifisser li wieħed jimxi ’l quddiem fil-ħajja u jfittex il-progress ta’ kulħadd.

Qal li hu progressiv min irid li fejn hemm ftit ċelloli tal-ħajja umana jassigura li dawn jagħmlu progress. Għall-kuntrarju, qal l-Isqof, min irid iwaqqaf il-ħajja umana li diġà bdiet mhuwiex progressiv imma rigressiv.

L-Isqof qal ukoll li jekk hemm ħajja umana li bdiet, tkun liberali jekk tħalliha tgħix mhux jekk twaqqafha jew jekk teliminaha. Dan għaliex li tkun liberali jfisser ukoll li tistma ħafna l-libertà u ma trid lil ħadd ixekkel il-libertà tiegħek u ta’ ħaddieħor.

B’referenza għas-soċjetà Maltija, l-Isqof Galea-Curmi qal li s-saħħa tas-soċjetà titkejjel mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa. Talab biex bis-sehem ta’ kulħadd nibqgħu naħdmu favur il-ħajja b’mod konsistenti mill-ewwel mument tat-tnissil sat-tmiem naturali u f’kull waqt tagħha, inkluż ma’ min bħalissa qiegħed jitkarrab għall-għajnuna għax qed jegħreq.

Waqt il-Quddiesa, l-Isqof Galea-Curmi talab ukoll għal dawk li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa biex jibqgħu jaqdu l-missjoni tagħhom b’kuraġġ, u għal dawk l-ommijiet li qegħdin f’diffikultà biex huma jsibu l-għajnuna li jeħtieġu għall-protezzjoni tal-ħajja u qatt ma jispiċċaw vittmi ta’ sistemi abbużivi.