’Il-progress hu meta l-prezzijiet jogħlew mal-pagi’ – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista (PN) Adrian Delia qal li l-progress huwa meta l-prezzijiet jgħolew id f’id mal-pagi u mal-kwalità tal-ħajja.

Delia qal dan waqt kollegament telefoniku waqt il-programm Issues fuq l-istazzjon tar-radju tal-PN, NET FM.

Delia akkuża lill-Gvern li ħoloq l-għoli fil-kirjiet u l-prezzijiet tal-proprjetà. Qal li dan mhux qed isir għax Malta sejra tajjeb imma minħabba l-mudell tal-Gvern li jimporta lin-nies fil-pajjiż biex jiżdied il-konsum u b’hekk il-pajjiż jidher li sejjer tajjeb.

Delia qal ukoll li hemm għadd ta’ nies li se jispiċċaw barra mill-proprjetà li jikru bħalissa minħabba t-tibdil fil-liġijiet. Qal li hemm bżonn skemi f’kollaborazzjoni mal-privat dwar il-proprjetà.

Delia qal li l-Gvern qisu jinjora kompletament meta ssir xi tip ta’ kritika. Qal li fid-dawl tar-reputazzjoni ta’ Malta li qed tbati, il-kummenti tal-Ministru Edward Scicluna juru nuqqas ta’ rispett. Skont Delia, wieħed għandu jgħid li l-kwistjoni qed tittieħed bis-serjetà u li mhux jgħid li kulħadd għandu din il-problema.

Mistoqsi minn The Telegraph fir-Renju Unit, Scicluna qal li l-ħasil tal-flus jiġri kullimkien.

Delia qal li jekk se jintilfu impjiegi, dawk li jintilfu f’Malta se jinteressaw lin-nies u mhux dawk ta’ x’imkien ieħor.

Delia tkellem ukoll dwar il-każ ta’ uffiċjal tal-MFSA li tħallas madwar €150,000 biex jitlaq kmieni mill-impjieg biex imbagħad ftit ġimgħat wara reġa’ ġie ingaġġat.

“Għalfejn sar dan? Min awtorizza li jsir hekk?” staqsa Delia li ddeskriva dan kollu bħala rimi ta’ flus mit-taxxi tal-poplu.

Skont it-Times of Malta, George Spiteri serva bħala d-direttur tad-diviżjoni tar-riżorsi umani tal-MFSA sa din is-sena. Aċċetta pakkett ta’ rtirar kmieni b’valur sa €150,000. Ftit ġimgħat wara beda jaħdem ma’ aġenzija li qabel kienet tagħmel parti mill-MFSA.