Il-Programm taż-Żjara tal-Papa fil-Balkani

Il-Papa f'wieħed mill-Vjaġġi Apostoliċi tiegħu

Il-Vatikan ħabbar il-programm uffiċjali aġġornat taż-żjara appostolika li Papa Franġisku se jagħmel fl-Estonja, it-Litwanja u l-Latvja bejn it-22 u l-25 ta’ dan ix-xahar.

Is-Sibt 22 ta’ Settembru fis-7.30 a.m. il-Papa Franġisku jitlaq minn Ruma għal Vilnius fejn jasal tliet sigħat wara u jingħata merħba uffiċjali fl-ajruport u jibqa’ sejjer jiltaqa’ mal-President tal-pajjiż fil-palazz presidenzjali.

Appena joħroġ mill-Palazz, fil-pjazza li hemm quddiemu, il-Papa jiltaqa’ ma’ u jindirizza l-awtoritajiet tal-pajjiż, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u membri tal-Korp Diplomatiku.

Wara pranzu u ftit tal-mistrieħ, il-Papa Franġisku se jżur u jitlob fil-kappella tal-Madonna tal-Ħniena u fil-pjazza ta’ barra l-Katidral jiltaqa’ u jindirizza liż-żgħażagħ u wara jżur il-Katidral.

Il-Ħadd 23 ta’ Settembru fit-8.00 a.m. Papa Franġisku jitlaq b’karozza lejn Kaunas u hemm iqaddes u jagħmel omelija f’Santakos Park u wara jgħid l-Angelus mal-poplu.

Dakinhar, il-Papa jkun mistieden għall-ikel mill-Isqfijiet tal-pajjiż fil-Kurja u fit-3.00 p.m. jiltaqa u jkellem lis-saċerdoti, irġiel u nisa konsagrati u mas-seminaristi, fil-Katidral ta’ Kaunas.

Wara din il-laqgħa, il-Papa jmur f’Vilnius u jżur u jitlob fil-Mużew tal-Okkupazzjonijiet u l-Ġlied għall-Ħelsien u wara jirtira għall-mistrieħ.

It-Tnejn 24 ta’ Settembru, il-Papa Franġisku se jżur Riga fejn jasal fit-8.30 a.m. u fl-ajruport jingħata merħba uffiċjali fil-bitħa tal-Palazz Presidenzjali u jżur lill-President tal-pajjiż. Kif inhu soltu li jagħmel, il-Qdusija Tiegħu mbagħad jiltaqa’ u jitkellem mal-awtoritajiet tal-pajjiż, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u membri tal-Korp Diplomatiku.

F’ċerimonja qasira fl-10.00 a.m. il-Papa mistenni jpoġġi fjuri f’riġlejn il-Monument tal-Ħelsien. Fid-Domus ta’ Riga, il-Papa se jieħu sehem f’sessjoni ta’ Talb Ekumeniku u jkellem lill-ġemgħa.

Il-Papa mbagħad iżur il-Katidral ta’ San Ġakbu fejn jingħata merħba u mbagħad jippranza mal-Isqfijiet f’Dar is-Sagra Familja.

Waranofsinhar Papa Franġisku jitlaq b’ħelikopter lejn Agnola fejn hemm is-Santwarju tal-Madonna Omm Alla fejn fl-4.30 p.m. iqaddes fil-beraħ quddiem is-santwarju u wara jirritorna bil-ħelikopter lejn Vilnius.

It-Tlieta 25 ta’ Settembru filgħodu Papa Franġisku jitlaq minn Vilnius u għall-ħabta tal-10.00 a.m jasal f’Tallinn fejn issir iċ-ċerimonja uffiċjali ta’ merħba fil-pjazza ta’ quddiem il-Palazz Presidenzjali u wara żjara ta’ kortesija lill-President tal-pajjiż u wara l-laqgħa mal-awtoritajiet tal-pajjiż, is-soċjetà ċivili u membri tal-Korp Diplomatiku.

Minn hemm imur fil-Knisja Luterana ta’ San Karlu għal laqgħa ekumenika maż-żgħażagħ u jkellimhom. Dakinhar il-Papa jippranza mal-grupp li qed jakkumpanjah tul din iż-żjara. Wara l-ikel imur fil-Katidral ta’ San Pietru u San Pawl biex jiltaqa’ ma’ nies li jirċievu għajnuna mid-diversi Għaqdiet tal-Karità mmexxija mill-Knisja.

Fl-4.30 p.m. iqaddes u jagħmel omelija fi Pjazza Ħelsien u jitlaq lejn l-ajruport biex jirritorna lejn Ruma fejn mistenni jasal għal xi 9.30 p.m.