Il-programm tal-Karnival għas-Sibt u l-Ħadd

Tħabbar il-programm kollu għall-Karnival li se jiġi organizzat lejn tmiem il-ġimgħa bejn is-Sibt u l-Ħadd li ġej.
Għall-attivitajiet il-ġodda tal-Karnival, li huma bil-ħlas, ma jistgħux jintużaw il-biljetti ta’ qabel imma jridu jinxtraw oħrajn ġodda.
Il-Karnival tat-Tfal se jsir nhar is-Sibt li ġej fid-9:30am fi Pjazza San Ġorġ, fil-Belt Valletta. Il-prezz tal-biljetti hu ta’ €5, b’numru limitat ta’ biljetti VIP li jiswew €10.
Wara ssir attività oħra fl-istess ġurnata fit-3:30pm li tinkludi programm taż-żfin u sfilata bil-karrijiet. Il-prezz tal-biljetti hu ta’ €7 b’numru limitat ta’ biljetti VIP li jiswew €15.
Il-Ħadd imbagħad isir il-Gran Defilé fi Triq Sant’Anna, il-Furjana mis-2pm ’il quddiem.
Festivals Malta tħabbar li l-voti sottomessi b’konnessjoni mal-kompetizzjonijiet tal-Karnival ta’ Malta se jinfetħu nhar it-Tnejn li ġej b’hekk ir-riżultati tal-kompetizzjonijiet jitħabbru dakinhar stess kmieni waranofsinhar.
Kull min xtara biljett tal-Karnival u ma użahx se jiġi kkuntattjat minn www.ticketline.com.mt biex jingħata l-flus tagħhom lura.
Il-biljetti l-ġodda jistgħu jinxtraw onlajn jew miċ-ċinemas tal-Embassy, il-Belt, mil-llum.