Il-programm tal-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni fl-Imqabba

Bejn id-29 ta’ Novembru u t-8 ta’ Diċembru se tiġi ċċelebrata l-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni fl-Imqabba.

Il-programm dettaljat tal-Festi Interni u dawk Esterni huwa kif ġej:

BIDU TAN-NOVENA TAL-IMMAKULATA Il-Ġimgha 29 ta’ Novembru 2019

Il-Festi jiftħu nhar il-Ġimgha 29 ta’ Novembru 2019 bil-bidu tan-Novena tal-Immakulata Kuncizzjoni. Fis-6.00pm tibda’ Quddiesa Kantata fil-Knisja Parrokkjali tal-Imqabba, li qabilha ssir it-talba tal-Kurunella tal-Immakulata Kunċizzjoni, jingħad ir-Rużarju, u tingħata l-Barka Sagramentali. L-istess programm isegwi tul il-ġranet kollha tan-Novena.

FTUĦ TA’ SKEDA 24 TAR-RADJU TAL-KOMUNITA’ TAL-ĠILJU FM 95.4 – Il-Ġimgha 29 ta’ Novembru 2019

Fl-4:00pm programm speċjali minn gewwa l-istudjos fil-Każin tas-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju, bħala bidu ta’ xandiriet fl-okkażjoni tal-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni U l-Milied.

ĦRUĠ TAL-ISTATWA TAL-MADONNA TAL-ĠILJU MIN-NIĊĊA – Il-Ħadd 1 ta’ Diċembru 2019

Nhar il-Ħadd 1 ta’ Diċembru 2019 fil-10.30am, isir il-ħruġ tal-Istatwa Artistika tal-Madonna tal-Ġilju min-Niċċa tagħha, u l-espożizzjoni tagħha fuq il-bradella artistika għall-venerazzjoni tal-poplu fiċ-ċentru tal-Knisja Parrokjali tal-Imqabba.

IKLA TRADIZZJONALI TAL-FESTA TAL-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI Il-Ġimgha 6 ta’ Diċembru 2019

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni 2018, il-Kumitat Amministrattiv fi ħdan is-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju tal-Imqabba ser jorganizza l-Ikla Tradizzjonali tal-Kunċizzjoni nhar il-Ġimgha 6 ta’ Diċembru, fil-Każin tas-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju, Pjazza tal-Knisja, l-Imqabba. L-attivita’ tibda’ fit-8:00pm u matulha jiġi servit varjeta’ ta’ ikel. Ser ikun hemm ukoll divertiment mużikali mill-aqwa provdut. Bookings isiru fuq in-numru 79853044, jew mingħand Biċe Farrugia.

LEJLET IL-FESTA TA’ MARIJA IMMAKULATA Is-Sibt 7 ta’ Dicembru 2019

Fl-4.00pm ikun hemm Konfessuri Barranin għall-Qrar fil-Knisja Parrokjali tal-Imqabba.

Fis-6:00pm: Quddiesa Kantata fil-Knisja Parrokkjali.

Fl-okkażjoni tal-ftuħ uffiċjali taċ-ċelebrazzjonijiet speċjali li jfakkru l-75 sena mit-twaqqif tal-Banda Madonna tal-Ġilju, bħala l-ewwel Banda fl-Imqabba, li ser jilħqu l-qofol tagħhom matul is-sena 2020, is-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju ser ittellgħa Kunċert Vokali u Strumentali, nhar is-Sibt 7 ta’ Diċembru 2019, lejlet is-Solennita’ tal-Immakulata Kunċizzjoni fis-6:30pm fil-Gran Salon fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloħija fil-Belt Valletta. Dan il-Kunċert ser ikun taħt il-Patroċinju tal-Ministru al-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, l-Onorevoli Dr Owen Bonnici, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Għaqda Każini tal-Banda. Il-Banda Madonna tal-Ġilju, taħt il-bakketta tas-Surmast Direttur tagħha, Mro Andrew Calleja, ser tkun qegħda teżegwixxi dawn is-siltiet mużikali:-

Innu lill-Madonna tal-Ġilju

Joseph Darmanin

Intermezzo

Cavalleria Rusticana

Pietro Mascagni

Ammerland

Jacob de Haan

Ave Maria

Andrew Calleja

Interpretazzjoni Vokali mit-Tenur Edmond Apap

Concerto for Bb Trumpet

2nd Movement – Andante

Franz Joseph Haydan

Solo Trumpet: Marvin Tonna

Salve Regina

Joseph Tonna

Interpretazzjoni vokali mil-Baritonu Pio Dalli

Nella Fantasia

Ennio Morricone

Interpretazzjoni vokali mis-Soprano Marie Claire Dingli

Id-9 ta’ Diċembru 1945

Andrew Calleja

Antifona

Madonna tal-Ġilju

Patri George Grech

Interpretazzjoni Vokali mit-Tenur Edmond Apap u l-Baritonu Pio Dalli u s-Soprano Marie Claire Dingli

Innu Banda Lily

Joseph Darmanin

Matul din is-serata ser issir l-inawgurazzjoni tar-restawr ta’ statwa tal-Immakulata Kunċizzjoni li tħaddan is-Soċjeta’, xogħol flinjam tas-seklu sbatax. Riservazzjonijiet isiru fuq 99823332 u aktar informazzjoni tinkiseb fuq is-sit elettroniku tas-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju www.talgilju.com

JUM IL-FESTA TAL-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI Il-Ħadd 8 ta’ Diċembru 2019

Nhar il-Ħadd 8 ta’ Diċembru 2019, tiġi ċċelebrata l-Festa ta’ Marija Mmakulata Kunċizzjoni ġewwa l-Parroċċa tal-Imqabba. Fit-8:30am Quddiesa Kantata. Fl-10:00am issir Quddiesa ġewwa l-Knisja Parrokjali bis-sehem tad-diversi fergħat li jikkomponu s-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju. Immedjatament wara l-Quddiesa, issir ċerimonja fejn id-diversi fergħat tas-Soċjeta’ jpoġġu kuruni ta’ fjuri f’riġlejn il-monument tal-Madonna tal-Ġilju fil-Bypass tal-Imqabba. Ikun hemm mumenti ta’ talb immexxija mill-Kappillan tal-Parroċċa Fl-4:00pm, tibda’ Quddiesa Kantata u Konċelebrata Solenni mill-W.R. Dun Anton D’Amato. Fil-5:00pm tibda’ ħierġa l-Purċissjoni Solenni bl-Istatwa Artistika u Devota tal-Madonna tal-Ġilju mmexxija mill-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni bil-parteċipazzjoni tal-Fratellanzi l-oħra tal-Parroċċa, Kleru u Poplu li matulha jingħad ir-Rużarju. Ma’ dhul il-Purċissjoni, titkanta l-Antifona tal-Immakulata, ssir Ċelebrazzjoni Ewkaristika u tinagħta l-Barka Sagramentali. (F’każ li t-temp ma jippermettix, isir Rużarju Meditat fil-Knisja.)

Il-Festi esterni jkomplu billi l-ewwel Banda fi ħdan l-ewwel Soċjeta’ Mużikali fl-Imqabba, il-Banda Madonna tal-Ġilju taħt id-direzzjoni tas-Surmast tagħha Mro Andrew Calleja F.V.C.M. bis-sehem sħiħ tal-Bandisti tal-post tagħti servizz mużikali fil-pjazza ewlenija tal-Imqabba, quddiem il-Każin il-ġdid tas-Soċjeta’. Jindaqqu diversi marċi brijużi u poplari flimkien mal-Innu lill-Madonna tal-Ġilju u l-Innu tal-Banda Lily.

8:00pm: Konklużjoni tal-Maratona ta’ xandir u ġbir ta’ fondi fuq Tal-Ġilju FM 95.4 fil-Pjazza tal-Imqabba.

Il-Festi ta’ din is-sena jimmarkaw il-bidu taċ-ċelebrazzjonijiet li matul is-sena 2020, ser ifakkru egħluq il-75 sena mill-ewwel dehra pubblika tal-Banda Madonna tal-Ġilju.

Il-Festi jiġu fi tmiemhom permezz ta’ attivita’ soċjali b’xandira diretta fuq ir-Radju, ġewwa l-Każin il-ġdid tas-Soċjeta’. Dħul minghajr ħlas. Aktar informazzjoni fuq is-sit www.talgilju.com