Il-programm tal-attivitajiet tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020 – edizzjoni virtwali

Read in English.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi pjaċir iħabbar li ħareġ il-programm kulturali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020, li se jsir għall-ewwel darba b’mod virtwali bejn il-11 u l-15 ta’ Novembru. Ħadna ħsieb li din l-edizzjoni virtwali xorta waħda twassal is-sens ta’ ġenjalità, skambju u kreattività sinonimi mal-avvenimenti ta’ kull sena – did-darba l-mira hi udjenza ferm usa’ ħabbieba tal-kotba.

Il-programm fis-sħuħija tiegħu fih ftit aktar minn sittin attività mifruxin fuq ħamest ijiem, li jinkludu, fost oħrajn, tnedijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba, laqgħat mal-awturi, gruppi ta’ ħidma u diskussjonijiet, kif ukoll damma ta’ attivitajiet għat-tfal. Dawn kollha se jkunu qed jixxandru online fuq is-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-paġna tal-Facebook.

Il-mistieden speċjali internazzjonali għal dis-sena huwa Sir Salman Rushdie, wieħed mill-aktar kittieba ċelebri ta’ żminijietna. Huwa l-awtur ta’ xogħlijiet meqjusa bħala klassiċi, ngħidu aħna The Satanic Verses, The Moors Last Sigh u x-xogħol ewlieni tiegħu fil-ġeneru tar-realiżmu maġiku Midnights Children li bih rebaħ il-Premju Booker. Rushdie influwenza ġenerazzjoni ta’ kittieba u jitqies kemm bħala ikona tal-kultura pop u anki bħala wieħed mill-aktar xbihat kellemija tal-libertà tal-kelma.

Fil-11 ta’ Novembru Rushdie se jiltaqa’ f’konverżazzjoni ma’ xbiha ewlenija tal-Letteratura Maltija u rebbieħ tal-Premju tal-KNK għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba 2019, Dr Alfred Sant, u hawnhekk iż-żewġ kittieba se jitkellmu fuq il-kisbiet, l-influwenzi u t-tħassib kurrenti ta’ dawn iż-żewġ kittieba kbar u l-ambjent kulturali tagħhom. L-għada, it-12 ta’ Novembru, Rushdie se jkun qed jitkellem direttament ma’ studenti u qarrejja mill-pubbliku ġenerali f’forma ta’ sessjoni diġitali ta’ Mistoqsija u Tweġiba organizzata f’ħidma mad-Dipartiment tal-Ingliż fl-Università ta’ Malta.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jorganizzaw ukoll numru ta’ diskussjonijiet b’tema magħhom b’bosta awturi, pubblikaturi u tradutturi lokali u internazzjonali. ‘Lil hinn mill-Fruntieri’ se tirrifletti fuq it-traduzzjoni letterarja bħala għodda vitali li tgħaqqad lill-bnedmin flimkien fi żmien meta ħajjitna u l-vjaġġi tagħha jinsabu mexkkla. L-attività se tlaqqa’ flimkien lil Eran Katz, li kiteb il-kotba Secrets of a Super Memory Jerome Becomes a Genius, Katrina Storace, kofundatur ta’ Praspar Press dar tal-pubblikazzjoni żgħira li twaqqfet riċentament biex tippubblika letteratura Maltija kontemporanja bl-Ingliż u kotba oħra ppubblikati bl-Ingliż, l-awtur u traduttur għall-Għarbi Walid Nabhan, il-pubblikatur Malti Chris Gruppetta u Kristina Quintano, traduttriċi u pubblikatur Norveġiża li ppubblikat xogħlijiet Maltin bin-Norveġiż.

Fl-istess żmien meta qed jirripubblika r-rumanz kult-klassiku u politiċizzat tiegħu Il-Manifest tal-Killer, Karl Schembri se jkun qed jingħaqad mal-kittieba Nadia Mifsud, u Wayne Flask u l-fundatur ta’ EDE Books Zvezdan Reljić għal ‘Kliem il-Protesta’, skambju mmoderat minn Dr Adrian Grima dwar il-forom varji ta’ espressjoni letterarja ta’ protesta nhar is-Sibt 14 ta’ Novembru.

Waħda mill-aħħar attivitajiet waqt il-Festival se tiffoka fuq il-pubbliċità u l-kritika letterarja li jvarjaw mill-forom tradizzjonali sa listi tal-aqwa kotba tas-sena, premji tal-kotba, Goodreads u BookTube. Id-diskussjoni se titmexxa minn Teodor Reljić u tinkludi lil Jen Calleja, traduttriċi mill-Ġermaniż tal-ktieb ta’ Marion Poschmann The Pine Islands (Profile Books, 2019) li kien finalist tal-Premju Man Booker International 2019, Prof Ivan Callus li huwa lettur tal-kritika u t-teorija letterarja fid-Dipartiment tal-Ingliż tal-Università ta’ Malta u Robert Pisani li jmexxi l-blogg The Bobsphere.

Dis-sena wkoll qed nagħmlu ħilitna biex nilħqu lil qarrejja ta’ kull età. L-Erbgħa 11 u l-Ħamis 12 ta’ Novembru se jittellgħu produzzjonijiet teatrali bbażati fuq ir-rebbieħa tal-Premju Terramxka 2020. Dawn ix-xows, li qed isiru b’ħidma ma’ tim ta’ atturi professjonali mmexxi mill-kariżmatika Antonella Axisa, se jkunu bil-Malti u kif jitlestu jkun hemm intervista mal-awtur tal-ktieb. Il-Ġimgħa filgħodu l-kittieb u għalliem magħruf tal-ħiliet tal-moħħ, l-Iżraeljan Eran Katz, se jagħti x-xow bl-Ingliż ‘Secrets of a Super memory’ b’doża qawwija ta’ umoriżmu, eċitament u sorpriżi li se jirrivela tekniki straordinarji biex tissaħħaħ il-qawwa tal-memorja. Dawn ix-xows kollha magħmula apposta skont l-età tal-istudenti u se jintbagħtu f’kull klassi f’Malta u f’Għawdex li tirreġistra għall-Festival.

Id-Danusan se jorganizzaw serje ta’ ħames xows ibbażati kull wieħed fuq ktieb rebbieħ tal-Premju Terramaxka, u dis-serje se tixxandar episodju kull jum tal-Festival. Id-duo komiku se janimaw il-kotba b’mod spontanju f’żoni pubbliċi fil-ġimgħa ta’ qabel jibda l-Festival. Filwaqt li jżommu distanza sigura, beħsiebhom jinkludu wkoll lill-pubbliku għaddej fix-xows tagħhom.

Il-Ġimgħa 13 ta’ Novembru huwa l-jum iddedikat għall-ħabbieba tal-poeżija, u għalhekk nistednukom tingħaqdu magħna għall-għoti tal-premjijiet tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef, u wara nkomplu bil-qari tal-poeżiji rebbieħa.

Is-Sibt 14 ta’ Novembru mbagħad se titfakkar il-ħajja letterarja ta’ Dr Alfred Sant li s-sena l-oħra rebaħ il-Premju tal-KNK għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba. Id-dokumentarju dwar il-ħajja u l-arti ta’ Dr Sant se jiffoka fuq ħames xogħlijiet ewlenin u huwa l-produzzjoni ta’ Take//Two b’direzzjoni ta’ Abigail Mallia.

It-tnedijiet u l-preżentazzjonijiet tal-kotba jibqgħu attivitajiet li l-Festival mingħajrhom ma jibqax l-istess, u għal din l-edizzjoni wkoll wieħed jista’ jinnota għadd ta’ tnedijiet u preżentazzjonijiet minn eżebituri bħal AVC, BDL, Faraxa Publishing, Kite Group, Horizons, Merlin Publishers, Midsea Books and Klabb Kotba Maltin, u Istituto Italiano di Cultura. Ta’ min jagħti titwila għal uħud bħal il-pubblikazzjoni l-ġdida bil-Malti ta’ La Divina Commedia mistennija għall-2021 fl-okkażjoni tas-700 sena mill-mewt ta’ Dante, u l-ħarġa numru 39 ta’ Leħen il-Malti tal-Għaqda tal-Malti – Università.

Il-programm tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb qed jitħejja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bil-kollaborazzjoni ma’ numru ta’ msieħba fl-industrija bħal pubblikaturi, kittieba, bejjiegħa tal-kotba, organizzazzjonijiet studenteski u aġenziji pubbliċi.

Niżżel il-programm b’mod diġitali minn hawnhekk. Għal aktar aġġornamenti żur il-paġna tal-Facebook tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u s-sit uffiċjali tagħhom.

Dan it-tagħrif twassal mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.