Il-Programm Alter Aqua jiċċelebra erba’ snin ta’ suċċess

Il-Programm Alter Aqua ħalla impatt sinifikanti fuq il-gżejjer Maltin bejn l-2011 u l-2015 f’dik li hi promozzjoni tal-użu ta’ riżorsi tal-ilma mhux konvenzjonali bħalma hu l-ġbir tal-ilma tax-xita, l-immaniġġjar tal-ilma tal-maltemp, ir-riċiklaġġ tal-ilma tal-ħasil u l-użu mill-ġdid tal-ilma mormi trattat bħala mod sostenibbli kif tiżdied id-disponibbiltà tal-ilma u jsir adattament għall-klima fuq livell lokali.
Il-programm inbeda mill-organizzazzjoni reġjonali Global Water Partnership – Mediterranean (GWP-Med) u ġie implimentat fi sħubija mal-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa, it-Taqsima għall-Enerġija Sostenibbli u l-Konservazzjoni tal-Ilma, il-Ministeru għal Għawdex, il-Proġett Eco-Gozo u l-Fondazzjoni Coca-Cola bl-għajnuna tal-Coca-Cola System f’Malta (The Coca-Cola Company u l-GSD Marketing Ltd).
Il-fondi għall-proġett huma bbażati primarjament fuq għotja ta’ $1,140,000 mill-Fondazzjoni Coca-Cola u $440,000 ko-finanzjament mill-Ministeru għal Għawdex.
F’dan il-qafas, il-Programm implimenta xogħlijiet sinifikanti ta’ infrastruttura ekoloġika, inklużi l-installazzjoni jew it-twaqqif mill-ġdid ta’ 11-il sistema ta’ ġbir tal-ilma tax-xita madwar Għawdex kollu, f’binjiet ta’ skejjel pubbliċi, fir-Razzett Sperimentali ta’ Għawdex u fil-Ministeru għal Għawdex; l-installazzjoni ta’ 3 sistemi ta’ riċiklaġġ tal-ilma tal-ħasil fil-grawnd tal-futbol ta’ Għawdex, fil-Malta College of Arts, Science & Technology (MCAST) u fil-Helen Keller Resource Centre; u t-twaqqif mill-ġdid ta’ applikazzjoni għaż-żamma tal-ilma mill-maltemp fil-Wied tar-Ramla f’Għawdex. Sistema oħra ta’ riċiklaġġ tal-ilma tal-ħasil bħalissa qed tiġi installata fil-Pixxina Nazzjonali tal-Kumpless Sportiv tal-Qroqq, il-Gżira, Malta.
L-ammont ta’ ilma miġbur u wżat mill-ġdid kull sena mix-xogħlijiet ta’ infrastrutturi ekoloġiċi kollha implimentati bħala parti mill-porgramm l-Alter Aqua bejn l-2011 u l-2015 bejn wieħed u ieħor jilħaq is-16.7 miljun litru, l-ekwivalenti tal-konsum tal-ilma fix-xahar ta’ 1,000 familja f’Malta.
Dan kollu minbarra li ġew implimentati 16-il biċċa xogħol differenti ta’ infrastruttura ekoloġika f’Malta u Għawdex. Irid jingħad ukoll li 10,358 student ġew edukati dwar l-iżvilupp sostenibbli fl-iskejjel waqt li tħarrġu 926 għalliem/a.