Il-proġetti ta’ restawr ikomplu jsaħħu l-aspett reliġjuż f’Għawdex – L-Isqof Grech

Read in English.

F’Għawdex ġew inawgurati diversi proġetti ta’ restawr u ta’ riġenerazzjoni tal-patrimonju nazzjonali tal-knejjes Għawdxin. L-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li dawn il-proġetti jkomplu jsaħħu l-aspett reliġjuż li f’Għawdex huwa ħaj u l-aspett t-turistiku.

Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana. Hija wriet s-sodisfazzjon tagħha li dawn l-intervjenti kienu importanti sabiex il-wirt kulturali jiġi preservat u mgħoddi lil ġenerazzjonijiet futuri u jitgawda minn dawk li jagħżlu jżuru Għawdex.

Il-Ministru żiedet li hija l-missjoni tal-Ministeru għal Għawdex li jkompli jaħdem biex iġib iktar fondi għal Għawdex. Fakkret li Għawdex kompla jibbenefika minn aktar fondi li oriġinarjament ma kinux allokati lill-gżira.

Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal  li dawn il-proġetti huma parti minn proġett usa’ b’valur totali ta’ €2 miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Is-sitt proġetti li ġew irrestawrati huma:

  • il-faċċata u l-kampnari tal-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Salvatur fl-Għasri
  • wieħed miż-żewġ kampnari tas-Santwarju Arċipretali tal-Immakulata Kunċizzjoni u ta’ San Ġużepp fil-Qala
  • iz-zuntier tal-Knisja ta’ Santa Luċija f’Santa Luċija
  • il-kampnar tal-Knisja Arċipretali ta’ Santa Margerita, Ta’ Sannat
  • il-faċċata u fuq ġewwa tal-Knisja ta’ San Pawl f’Marsalforn
  • l-apside tal-Bażilika tat-Twelid tal-Verġni Marija fix-Xagħra