Aġġornata: “Il-proġettazzjonijiet tal-PN huma żbaljati” – Dr Joseph Muscat

Il-partit nazzjonalista fi stqarrija b’reazzjoni qal li Dr Joseph Muscat prova jagħmel analiżi tat-tbassir ekonomiku u żbalja. Żied li wera kemm hu superfiċjali. Il-PN żied li Muscat, li jrid li jmexxi l-ekonomija u l-finanzi tal-pajjiż, idaħħal lil Malta ġo ħajt, bil-konsegwenza li jbatu l-familji bil-qgħad.

Fl-istqarrija, il-PN żied li t-tbassir ekonomiku tiegħu hu bbażat fuq l-inċentivi li hemm imniżżla fil-programm elettorali fosthom ta’ inċentivi għall-industrija, għat-turiżmu, għall-fabbriki, għal SMEs biex jinħolqu aktar impjiegi. Barra minn hekk, il-PN kompla jgħid li l-proposti fil-programm elettorali jinkludu tnaqqis tat-taxxi biex jiġu ġenerati aktar impjiegi u tikber l-ekonomija. Żied li l-Kummissjoni Ewropea ma ħaditx in konsiderazzjoni dawn l-inċentivi, xi ħaġa li Dr Muscat messu nduna biha, bħalma messu nduna li t-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea ma jinkludix ukoll l-allokazzjoni finanzjarja tal-Unjoni Ewropea li l-Prim Ministru nnegozja.

Il-PN temm jgħid li jekk Dr Muscat induna b’dan u xorta għamel dak id-diskors, ifisser li reġa’ rrikorra għal dik li sejjaħ gibda.

Iktar kmieni:

Il-Kap tal-Oppozizzjoni u Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat qal li mit-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ilbieraħ, joħroġ li l-proġettazzjonijiet li fuqhom ibbaża l-wegħdi tiegħu il-Partit Nazzjonalista, skont hu huma żbaljati u ma jistgħux isiru. Dan qal li jfisser li jekk jerġa’ jitla’ GonziPN, jew mhuwiex se jwettaq il-wegħdi li qed jagħmel, jew se jiżvojta l-kaxxa ta’ Malta, jew se jdaħħal taxxi ġodda.

Meta indirizza Konferenza Nazzjonali organizzata mill-Fondazzjoni IDEAT, bit-tema “For a New Progressive Europe”, Dr Muscat qabbel il-proġettazzjonijiet tal-Gvern għat-tkabbir ekonomiku tas-sena l-oħra, din is-sena u s-sena d-dieħla, ma’ dawk ippubblikati mill-Kummissjoni Ewropea lbieraħ, li fi kliemu jagħti raġun lill-Partit Laburista li dak li qed iwieġed il-PN ma jistax isir. Temm jgħid li l-għażla fid-9 ta’ Marzu hija bejn il-politika tas-soltu, li twiegħed kollox lil kulħadd, jew politika ġdida u serja li qed jipproponi l-Partit Laburista.

Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt.