Il-proġett tas-Salini mistenni jitlesta sa tmiem is-sena

Sa tmiem din is-sena mistenni jitlesta l-proġett tas-Salini, li l-investiment fuqu għadu mhux magħruf hekk kif fadal xi xogħlijiet xi jsiru, inkluż sejħiet għall-offerti x’jinħarġu.
L-unika bidla għal dan il-proġett hi t-tneħħija ta’ mina għal min ikun għaddej bil-mixi, li kienet se tipprovdi aċċess għas-sit min-naħa ta’ Ximenes Redoubt, li iżda tneħħiet.
Il-Ministru tal-Infrastruttura Joe Mizzi, fil-Parlament illejla bi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Ċensu Galea, qal li l-proġett jinsab fi stadju avvanzat ta’ tlestija u li x-xogħol ta’ Triq il-Kosta s’issa mhux mistenni li jaffettwa l-konfini tal-proġett tas-Salini.
Joe Mizzi spjega li b’rabta ma’ dan il-proġett fadal li tinħareġ sejħa għall-offerti għal “pedestrian bridge” li mistennija tinħareġ fil-ġimgħat li ġejjin, irid jinbeda x-xogħol fuq is-sejħa għall-offerti għar-rijabilitazzjoni tas-“salt marsh” u l-“garigue”, trid tinħareġ sejħa għall-offerti għall-esebiti u jonqos xi xogħol ta’ tlestija tal-‘kmamar’ il-ġodda li nbnew bħala parti minn dan il-proġett u li mistennija jitlestew sa l-aħħar ta’ dan ix-xahar. Finalment, jibqa’ xogħol ta’ tisbiħ.

Ritratt: Jeremy Wonnacott – DOI