Il-proġett tas-Central Link inkwetanti għas-saħħa tal-Maltin – psikologa

Il-psikologa Anna Cassar qalet li l-proġett tas-Central Link li ġie approvat il-ġimgħa li għaddiet huwa inkwetanti għas-saħħa tal-Maltin.

Aqra: Central Link: Il-proġett jiġi approvat

Dan qalitu permezz ta’ tweet fejn spjegat li s-saħħa fiżika u psikoloġika tal-bnedmin taħdem id f’id man-natura. Appellat sabiex il-Gvern iwaqqaf il-massakru tas-siġar, art agrikola u widien. Sostniet li minkejja li l-ħsarat għas-saħħa li se ġġib magħha l-implementazzjoni tal-proġett tas-Central Link se jaffettwaw lil kulħadd, l-aktar li se jbatu huma t-tfal.

Aqra: Central Link: “Se nużaw 60% inqas art agrikola minn ħaddieħor” – Muscat

Il-proġett tas-Central Link ġie approvat mill-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar bi 3 voti kontra u 9 favur fit-18 ta’ Lulju. Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Infrastruttura kien spjega li Infrastructure Malta se toħloq 7 kilometri ta’ korsiji ġodda, tibni mill-ġdid 13-il junction biex isiru aktar effiċjenti u siguri, filwaqt li tintroduċi 21,700 metru kwadru ta’ żoni b’siġar u pjanti, u ħafna faċilitajiet ġodda għal mezzi tal-ivjaġġar aktar sostenibbli, fosthom l-itwal korsija għar-roti maqtugħa għaliha mit-triq li qatt saret f’Malta.

X’benefiċċji joffru s-siġar lis-soċjetà?

Xjentist fl-Istati Uniti, David Nowak, li jirriċerka l-importanza tas-siġar u li parzjalment kiteb studju dwar is-servizzi tal-foresti fl-Istati Uniti qal li s-siġar joffru 10 benefiċċji lis-soċjetà skont is-CNN.

  1. Is-siġar inaqqsu s-sħana għax joffru dell għat-toroq u l-bini u jżommu l-uċuh tat-toroq friski.
  2. Inaqqsu t-tniġġiż tal-arja minħabba li s-siġar jassorbu l-karbonju u tniġġiż ieħor fl-arja.
  3. Is-siġar inaqqsu l-emmissjonijiet tal-enerġija. Ir-riċerka turi li meta binja tkun imdawra bis-siġar, is-sistema tal-arja kkundizzjonata tintuża inqas.
  4. Is-siġar iservu bħala filtri tal-ilma billi jassorbu l-fosfru u n-nitroġenu fil-ħamrija.
  5. Is-siġar inaqqsu r-riskju ta’ għargħar.
  6. is-siġar jistgħu wkoll iservu sabiex jassorbu l-istorbju.
  7. Jipproteġu mir-radjazzjoni tal-UV.
  8. Is-siġar jagħmlu propjetà tidher ta’ aktar valur.
  9. Bosta riċerki sabu meta wieħed ikun espost aktar għan-natura ikun fi stat fiżiku u mentali aħjar.
  10. Is-siġar iservu bħala dar għal bosta kreaturi fosthom l-għasafar.