“Il-proġett tal-Marsa mistenni jitlesta f’Diċembru 2020” – Infrastructure Malta

Read in English.

L-inġinier Fredrick Azzopardi, f’isem Infrastructure Malta, qal li l-Marsa Junction Project mistenni jitlesta f’Diċembru tal-2020.

Dan qalu f’risposta għal mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt dwar il-proġett li għaddej bħalissa. Infrastructure Malta ħabbret li lestiet daqs 35% tal-proġett, hekk kif l-istrutturi tal-ewwel żewġ flyovers daqt ikunu lesti, waqt li x-xogħol fuq il-ħamsa l-oħra għadu għaddej.

Filmat: Jibda x-xogħol fuq l-ewwel 2 pontijiet minn 7 fil-Marsa

Il-35% huma kkwantifikati billi tqies ix-xogħol kollu involut fil-proġett, u ġie mkejjel mal-ammont ta’ xogħol li sar s’issa fis-sit tal-proġett. Dan ix-xogħol jinvolvi bini ta’ flyovers, bini mill-ġdid ta’ toroq, żvilupp ta’ passaġġi u pontijiet ġodda għall-mixi u r-roti, tisħiħ ta’ servizzi taħt l-art u affarijiet oħra. Apparti minn hekk, l-ammont ta’ xogħol li sar jista’ jitkejjel f’termini ta’ ħin biex jitlesta, kif ukoll valur finanzjarju.

Flyover tal-Marsa: “l-ewwel pont jitlesta u jinfetaħ sas-sajf”

Infrastructure Malta żiedet tgħid li l-istruttura ewlenija u l-gverta b’erba’ korsiji tal-ewwel flyover daqt ikunu lesti. Il-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta diġà poġġew f’posthom 56 travu tal-konkos biex iffurmaw u lestew il-gverta tagħha. It-travi tal-azzar li jiffurmaw il-gverta għat-tond tat-tieni flyover inħadmu t-Turkija u nġiebu Malta bil-baħar fil-ġimgħat li għaddew. Dawn qed jingħaqdu u jittellgħu fuq il-kolonni li fuqhom se sserraħ il-flyover.

X’se jsir eżatt fil-proġett? 

Il-Marsa Junction Project jikkonsisti minn seba’ flyovers.

Dawn se jeliminaw it-traffic lights ta’ ħdejn l-Addolorata.  Aktar minn 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda, li se jgħaddu b’mod separat minn fuq xulxin fi tliet livelli differenti, se joħolqu konnessjonijiet diretti kemm lejn it-tramuntana kif ukoll lejn in-nofsinhar bejn Triq Aldo Moro, Vjal Sir Paul Boffa, Vjal Santa Luċija, Triq Giuseppe Garibaldi u Triq il-Marsa (lejn Ħal Qormi).

Ritratti: Jitwaqqfu l-ewwel kolonni tal-junction tal-Marsa

Bil-proġett se jiġu introdotti wkoll faċilitajiet ġodda għal mezzi alternattivi ta’ trasport, fosthom bankini u korsiji għar-roti, pontijiet għall-mixi, waqfiet u korsiji għall-karozzi tal-linja, żona ta’ park and ride u żoni ġodda msebbħin bis-siġar u l-pjanti.