Il-proġett tal-Enemalta fil-Montenegro se jitlesta f’Ottubru

Il-proġett internazzjonali tal-kumpanija Enemalta fil-Montenegro għandu jitlesta sa Ottubru li ġej. Qal dan il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tal-Whip Laburista Byron Camilleri.
Il-proġett jikkonsisti minn 23 turbina tar-riħ li mistennija jiġġeneraw mas-46 megawatt f’enerġija nadifa f’Mozura, il-Montenegro.
Il-Ministru qal ukoll li f’dawn l-aħħar xhur intensifika l-proċess sabiex l-irziezet ta’ mtieħen tar-riħ jitlesta fil-ħin.
F’Novembru li għadda, il-Ministru Mizzi żar il-Montenegro. Fil-Parlament, il-Ministru qal li kien mar biex jissolvew xi diffikultajiet li żammew lura dan il-proġett.