Il-proġett ta’ Triq Reġjonali wasal fi tmiemu

Il-proġett ta’ Triq Reġjonali li jinkludi l-bini mill-ġdid u t-twessigħ ta’ parti minn din l-arterja ewlenija, bejn il-mini f’Tal-Qroqq u Santa Venera, wasal fl-aħħar fażi.

Fi stqarrija l-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li l-proġett li jinkludi sitt korsiji, tlieta f’kull direzzjoni, din il-ġimgħa l-parti tal-karreġġjata tan-nofsinhar minn kif toħroġ mill-mini f’Tal-Qroqq fid-direzzjoni lejn Santa Venera ingħatat l-ewwel kisi bl-asfalt.

Bħalissa qed jinbena wkoll il-ħajt għall-ilqugħ fil-ġenb ta’ din il-parti tal-pont. Tneħħiet ukoll is-central strip li kien hemm qabel u flokha qed tinbena waħda aktar sigura permezz ta’ crash barriers magħrufin bħala jersey barriers li jillimitaw il-konsegwenzi f’każi ta’ inċident.

Il-korsija li ser tiżdied fil-karreġġjata tat-tramuntana, mill-mini ta’ Santa Venera lejn l-Imsida, ser tipprovdi aċċess aktar sigur mis-slip roads li jgħaqqdu Triq il-Wied tal-Imsida, Triq il-Ferrovija l-Antika, f’Birkirkara u Triq Kappillan Mifsud, f’Santa Venera ma’ Triq Reġjonali. Aktar ’il fuq, parti minn din il-korsija ġdida tlestiet u nfetħet diġà, sabiex tnaqqas ukoll il-ħin fl-ivvjaġġar meta toħroġ minn Triq Reġjonali mis-slip road li tagħti għall-bypass ta’ Birkirkara (Triq Dun Karm Psaila), l-Università ta’ Malta u l-Isptar Mater Dei.

Il-korsija ġdida l-oħra fil-karreġġjata lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta ittejjeb l-andament tal-vetturi li jkunu ġejjin mir-rampa li tgħaqqad il-bypass ta’ Birkirkara u r-roundabout f’Tal-Qroqq (fejn hemm l-iskatepark) ma’ Triq Reġjonali billi jibqgħu sejrin dritt lejn Santa Venera. Din il-korsija wkoll se tipprovdi aċċess aktar sigur għall-ħruġ minn Triq Reġjonali lejn Triq il-Ferrovija l-Antika u Triq il-Kappillan Mifsud, iż-żewġ toroq li jiltaqgħu ħdejn ir-roundabout li hemm bejn Birkirkara u Santa Venera.