Il-proġett ta’ Bieb il-Belt kellu jkun lest dan ix-xahar

Il-proġett ta’ Bieb il-Belt mistenni jitlesta sena aktar tard minn dak li kien pjanat, filwaqt li l-ispejjeż żdiedu b’€6 miljun mill-fondi allokati għal dan il-proġett. Dan ġie rrappurtat mill-ġurnal ‘The Sunday Times of Malta’ fejn intqal li l-bini tal-Parlament il-ġdid mhux se jkun qed jiffunzjona qabel it-tieni kwart tas-sena d-dieħla.

Il-proġett ta’ Renzo Piano kellu jitlesta dan ix-xahar, iżda l-Ministeru tal-Infrastruttura sostna li l-Gvern preċedenti naqas milli jżomm maż-żmien allokat u dan minkejja n-numru ta’ stqarrijiet li kienu saru mill-eks Ministru Austin Gatt li kien responsabbli minn dan il-proġett. Hu mifhum li d-dewmien kien ikkawżat minħabba l-ġebel li ried jinġieb mill-Qala, Għawdex.

Ta’ min jgħid li ftit tax-xhur ilu, il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu laqgħat fi Franza mal-perit Renzo Piano, filwaqt li l-istess Prim Ministru sostna li dan il-bini ġdid m’għandux jintuża biss mill-membri parlamentari għal ftit sigħat fil-ġimgħa, u għalhekk jista’ jkun hemm anke bidliet fl-użu ta’ dan il-bini.