​“Il-proġett ta’ Barts għadu ħofra” – Chris Said

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex Chris Said qal li l-proġett tal-iskola medika Barts f'Ghawdex għadu biss ħofra għax fi kliemu l-Gvern biegħ l-uniku sptar li hemm f'Għawdex lil Vitals Global Healthcare (VGH), li m'għandha bla ebda esperjenza fil-qasam mediku.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, Dr Said qal li kulma għamlu l-VGH kien li kissru l-garaxx tal-ambulanza u l-canteen biex issa l-isptar spiċċa mingħajr dawn il-faċilitajiet għall-pazjenti.
Fisser kif sa Mejju li ġej kellu jkun hemm sptar modern f'Għawdex li jakkomoda 450 pazjent.
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-PN dwar l-Affarijiet Soċjali f’Għawdex Frederick Azzopardi fakkar kif il-Gvern Laburista neħħa r-responsabbiltà tas-saħħa f'Għawdex minn idejn l-Għawdxin.
Żied jgħid li wara ddeċieda wkoll li l-uniku sptar tal-Għawdxin jagħtih lill-barranin. 
Kemm Said kif ukoll Azzopardi saħqu li l-Gvern għandu l-aħħar ċans li jieħu l-aħjar deċiżjoni u jerġa' jagħti l-isptarijiet lura lill-poplu.