Il-Professur Mifsud b’rabtiet mar-Russja investigat fl-Italja

Read in English.

Joseph Mifsud, l-eks diplomatiku Malti li jinsab maħrub u li qed jiġi allegat li kien il-ħolqa bejn il-Gvern Russu u l-kampanja presidenzjali ta’ Donald Trump, qed jiġi investigat fl-Italja.

Il-Prosekuturi fi Sqallija qed iħejju investigazzjoni fuq il-Professur Mifsud li kien deskrit bħala misterjuż minħabba li ilu moħbi minn Ottubru 2017. L-investigazzjoni qed tiżvolġi fuq allegat użu ħażin ta’ fondi tal-Università li kien jaħdem magħha. Fost l-ispejjeż suspettużi hemm kontijiet għoljin tal-mobile u ikliet kbar f’ristoranti f’Ruma fejn wieħed mill-kontijiet tela’ għal €1,300.

Il-Prosekutur Sqalli Salvatore Vella qal li hemm almenu €100,000 li ġew użati ħażin iżda l-Professur għadu ma ġiex akkużat formalment min-naħa tal-Isqallin għaliex għadu ma jistax jinstab.

Il-gazzetta bbażata fi Sqallija, Giornale della Sicilia, rrappurtat kif Mifsud għamel għadd ta’ telefonati li wasslu għal kont għoli meta kien ir-Russja u f’pajjiżi oħra fil-Lvant tal-Ewropa. Intqal ukoll li l-Professur siefer f’għadd ta’ pajjiżi inkluż ir-Russja, Malta, il-Libja, l-Istati Uniti, l-Lebanon u l-Bulgarija.

Is-sena li għaddiet, il-Washington Post qed jirrapporta li skont rapport fil-qorti federalii ta’ Manhattan, l-istat tal-professur Mifsud kien deskritt bħala ‘nieqes x’aktar mejjet’.