Prof. Joseph Mifsud jiċħad li offra informazzjoni kontra Clinton lit-tim ta’ Trump

Read in English.

Il-Professur Malti Joseph Mifsud ċaħad li offra informazzjoni lil George Papadopoulos, strateġista ta’ Donald Trump waqt il-kampanja elettorali tal-elezzjonijiet tal-2016. 

Din l-informazzjoni allegatament ġiet mir-Russja u kienet dwar Hillary Clinton. Skont dokumenti ġodda tal-FBI, Mifsud qal ukoll li lanqas biss kien jaf li r-Russja kellha informazzjoni fuq Clinton.

Mifsud għadu kkunsidrat bħala persuna kritika f’allegazzjonijiet li r-Russja għenet lil Trump isir President tal-Amerka fl-2016. Mifsud iltaqa ma’ Papadopoulos darbtejn fl-2016, kemm f’Ruma u darboħra f’Londra. 

L-eks Konsulent Speċjali tal-Istati Uniti Robert Mueller qal li Mifsud kien informa lil Papadopoulos li r-Russja għandha e-mails li jistgħu jgħinu biex Clinton titlef l-elezzjoni. 

Dokumenti ġodda li ħargu mill-FBI juru li Mifsud insista li ma kellux idea li r-Russja kellha e-mails tal-partit Demokratiku. Allura insista li ma setgħax kien hu li offra din l-informazzjoni lil Papadopoulos.

Papadopoulos kien ammetta li gideb lill-FBI dwar jekk kienx beda jaħdem għal Trump meta kien iltaqa’ ma Mifsud. Mueller qal li Papadopoulos gideb ukoll dwar kemm-il darba tkellmu hu u Mifsud.

Trump għadu jinsisti li l-allegazzjonijiet li r-Russja għenet biex hu jirbaħ l-elezzjoni tal-2016 hija gidba vvintata mill-Partit Demokratiku għax ma jistgħux jemmnu li Clinton tilfet.