‘Il-Professur’ ħa post al-Baghdadi fit-tmexxija tal-ISIS

    Abdullah Qardash, ‘Il-Professur’, li kollox juri li se jkun il-mexxej il-ġdid tal-ISIS, Twitter - Qardash

    Bilkemm laħqu għaddew 24 siegħa li issa hu maħsub li Abdulla Qardash, magħruf bħala ‘Il-Professur’, se jieħu f’idejh it-tmexxija tal-ISIS wara l-qtil ta’ Abu Bakr al-Baghdadi li nqatel mil-forzi tal-Istati Uniti fi tmiem il-ġimgħa.

    Abdulla Qardash kien uffiċjal fl-armata ta’ Saddam Hussein  meta fil-ħabs sar dixxiplu ta’ Baghdadi meta xorob il-propaganda tal-ISIS. Skont stqarrija maħruġa mill-aġenzija Amaq li tagħmel il-pubbliċità lill-grupp, Baghdadi ħatar lil Qardash f’Awwissu li għadda biex imexxi l-operazzjonijiet ta’ kuljum tal-ISIS. B’hekk jidher li Baghdadi wiret it-tmexxija tal-ISIS mingħandu.

    Qardash twieled f’Tal Afar, belt fl-Iraq, u nagħqad fl-armata ta’ Saddam Hussein fl-ewwel opportunità li ġietu. Wara l-invażjoni tal-Istati Uniti fl-2003 u l-ordni tal-President George Bush biex ixolji l-armata f’dak il-pajjiż ir-raġel sab ruħu mitfuħ il-ħabs akkużat li kellu konnessjonijiet mal-Al-Qaeda.

    Waqt li kien il-ħabs sar wieħed mill-aktar fidili għal dak li kien jippriedka Baghdadi u meta ħareġ mill-ħabs serva bħala kummissarju reliġjuż u mħallef fl-Al-Qaeda. Meta l-ISIS iffurmat ruħha mill-fergħa tal-Al-Qaeda fis-Sirja hu mar magħhom u f’qasir żmien beda jeħles minn dawk kollha li wrew li kienu b’xi mod kontra t-tmexxija ta’ Baghdadi.  Fil-fatt meta Baghdadi daħal rebbieh f’Mosul fl-2014 wara li ISIS rebħet il-belt jingħad li kien hu li tah merħba.

    Fis-7 ta’ Awwissu ta’ din is-sena tħabbar li Qardash kien se jieħu f’idejh it-tmexxija tal-ISIS ġurnata b’ġurnata waqt li Baghdadi kien se jikkonċentra biex iqajjem fervur favur il-kawża tal-ISIS. Għad li l-grupp tilef il-gwerra territorjali għad hemm diversi fergħat f’mill-anqas żewġ pajjiżi li jaħdmu indipendentament wieħed mill-ieħor, kollha jittamaw lil-kap tagħhom isir il-mexxej wara Baghdadi.

    Iżda issa kollox jindika li l-mexxej il-ġdid jidher li se jkun Abdullah Qardash. qabel ma nagħta l-inkarigu li  jagħmel il-politika tal-grupp terroristiku. Ir-raġel hu magħruf bħala wieħed brutali u kattiv iżda madankollu hu figura popolari fl-ISIS.