Aġġornata: Il-Professur Albert Fenech se jmexxi sptar tal-qalb – PL

Il-Partit Laburista ħabbar li d-Deputat Nazzjonalista Albert Fenech hu involut direttament fil-proġett ta’ privatizzazzjoni tal-isptarijiet.
Fi stqarrija, il-PL sostna li dan minkejja li l-Partit Nazzjonalista xeba’ jikkritika l-proġett il-ġdid bejn il-Gvern  u l-privat li permezz tiegħu se jitranġa l-Isptar San Luqa u se jinbena sptar ġdid f’Għawdex.
Il-Partit Laburista semma kif il-mezzi tax-xandir tal-PN illum irrappurtaw li l-Professur Fenech “se jiftaħ sptar tal-qalb.”
Żied jgħid li meta wieħed jara l-fatti jinduna li dan l-isptar hu parti mill-proġett ta’ St Luke’s u ta’ Għawdex, li se jsir mill-konsorzju li rebaħ dan il-kuntratt u li l-Professur Fenech hu impjegat ta’ dan il-konsorzju.
Il-Partit Laburista saħaq li jaqbel mal-Professur Fenech li ġie kkwotat jgħid li l-proġett il-ġdid li se jkun parti minnu se jkun mill-aqwa u se jkollu l-aqwa tagħmir u professjonisti.
Skont il-PL, dan hu ċertifikat ieħor għall-politika tal-Gvern fil-qasam tas-saħħa.

Reazzjoni PN:
Il-PN qal li s-settur privat għaraf il-valur tal-Professur Fenech wara li l-Gvern qiesu li ma kienx għadu tajjeb u remieh. 
Waqt li kkritika lill-Ministru Konrad Mizzi u saħaq li jrid ikollu wiċċ biex jgħid li Fenech jappoġġja l-pjani tal-Gvern, il-PN insista li wara li l-pazjenti kienu jieħdu s-servizzi ta' Fenech mingħajr ma jħallsu, issa jridu jħallsu għas-servizzi tiegħu. 

Reazzjoni Gvern:
Fi stqarrija, il-Gvern qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni biss jinsab kontra dan l-investiment.
Il-Gvern qal li l-investiment ta €200 miljun fil-qasam tas-saħħa se jassigura li s-servizz tas-saħħa f’pajjiżna se jibqa’ b’xejn għal kulħadd, inkluż is-servizzi li se jkun qed jagħti l-Prof. Albert Fenech, li issa se jkun impjegat mill-konsorzju privat biex jipprovdi servizz bxejn lill-familji Maltin u Għawdxin.