Aġġornata: Il-Professur Albert Fenech jirriżenja mill-Parlament

F’ittra mibgħuta lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, il-Professur Albert Fenech ħabbar li rriżenja mill-Parlament.
Albert Fenech qal li se jkun qed jaħdem barra minn Malta biex jagħmel xogħol ta’ konsulenza u jipparteċipa fi proġetti tal-kumpanija Vitals Global Healthcare.
Din il-kumpanija rebħet il-kuntratt tal-Gvern biex tkun tista’ topera l-isptar St. Lukes u tibni sptar ġdid f’Għawdex.
Qal ukoll li se jkollu jadatta għal karriera professjonali tiegħu u ma jixtieqx li din taffettwa l-kontribuzzjoni politka li hu xtaq jagħti lill-pajjiż.
Fir-risposta tiegħu lil Albert Fenech, Simon Busuttil qal li jiddispjċih li Fenech kellu jasal hawnhekk minħabba d-deċiżjoni “bla sens” tal-Gvern Laburista li “jarmi” l-ħiliet u l-esperjenza tal-Professur tal-Kardjoloġija.
Reazzjoni PL:
F’reazzjoni għal dan, il-Partit Laburista qal li Albert Fenech għażel l-investiment favur il-poplu fuq in-negattività tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Sostna li l-Professur Fenech għażel li ma jibqax Membru Parlamentari biex ikun jista’ jaħdem fi proġett li se jkun favur il-poplu Malti bil-kontra tal-Oppożizzjoni li ma tridx li investiment bħal dan iseħħ.
Reazzjoni PN:
Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista qal li l-inqas ħaġa li seta’ jagħmel il-Partit Laburista hu li jitlob skuża lill-Professur Fenech u lill-poplu Malti u Għawdxi għall-mod kif tratta lil dan il-professjonist.
L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista ssostni li kieku l-Partit Laburista qara l-ittra ta' riżenja ta’ Albert Fenech, kien jirrealizza li, mhux biss il-Professur Fenech se jibqa' jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-Partit Nazzjonalista, iżda talli attakka lill-membri tal-Gvern għall-mod kif imxew miegħu fil-professjoni tiegħu u għall-istil ta' tmexxija tagħhom.

Tista’ taqra l-ittra ta’ riżenja tal-Professur Albert Fenech, kif ukoll l-ittra ta’ risposta tal-Kap tal-PN: