Il-professjonisti b’taħriġ fil-qasam tal-vjolenza domestika

Tnieda l-programm Full Cooperation-Zero Tolerance li se jkun qed iħarreġ lill-professjonisti li jaħdmu fil-qasam tal-vjolenza domestika u dik relatata mal-ġeneru.
Il-Ministru għall-Ugwaljanza, Helena Dalli, qalet fi starrija li l-programm, b’investiment ta’ €350,000, se jħarreġ 520 ħaddiem bil-għan li jkunu jistgħu jagħtu servizz aktar koordinat.
Il-programm se jkun qed jinfirex tul il-bqija ta’ dis-sena u s-sena d-dieħla, u juri l-ħtieġa li tkun imnedija strateġija nazzjonali li tkompli ssaħħaħ il-ħidma li qed issir mill-imsieħba kollha.
Il-Ministru Dalli saħqet li hekk kif tgħaddi l-Liġi Dwar Żwieġ Indaqs se tkun dik li tippreżenta mill-ġdid l-Abbozz ta’ Liġi dwar Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, li waqt il-leġiżlatura li għaddiet kien wasal sat-tieni qari.
L-implimentazzjoni tal-liġi se tassigura wkoll li Malta tkun konformi mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, liema konvenzjoni ġiet irratifikata mill-UE bis-saħħa tal-interventi Maltin waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE.
Ritratt: DOI – Omar Camilleri