Il-Prof. Peter Xuereb jikkwalifika biex jilħaq imħallef tal-Qorti tal-Ewropea

Il-Professur Peter G.  Xuereb kiseb l-approvazzjoni li jissodisfa l-kwalifiki biex iservi bħala Imħallef fuq din il-Qorti tal-Unjoni Ewropea. 
Fi stqarrija, il-Gvern qal li hu kunfidenti li b’din l-approvazzjoni, il-Professur Xuereb jiġi nnominat b’mod uffiċjali mill-Istati Membri fl-24 ta’ Mejju li ġej. 
Il-Professur Xuereb hu l-Kap tad-Dipartiment tal-Liġi Ewropea u Komparattiva fil-Fakultà tal-Liġi u ggradwa bħala avukat fl-1977. Serva wkoll bħala konsulent f’diversi fergħat tal-liġi nazzjonali u Ewropea. 
Għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, Malta se jkollha żewġ Imħallfin fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll imħallef ieħor fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Reazzjoni Partit Nazzjonalista:
F’reazzjoni l-PN awgura lill-Profs Peter G Xuereb li ġie nnominat biex iservi bħala Imħallef fil-Qorti Ġenerali Ewropea tal-Unjoni Ewropea u awguralu biex jiġi nnominat b’mod uffiċjali bħala Imħallef tal-Qorti Ġenerali Ewropea tal-Unjoni Ewropea.
Qal li Profs Xuereb kiseb l-approvazzjoni li jissodisfa l-kwalifiki meħtieġa biex iservi f’din il-Qorti.