Il-produzzjoni mill-fabbriki tonqos fis-sajf imma tibqa’ ogħla mill-2014

Għal tliet xhur konsekuttivi, Malta naqqset il-produzzjoni mill-fabbriki tagħha imma mqabbla mal-istess xhur tas-sena li għaddiet xorta waħda pproduċiet iktar.
Dan bl-istess xejra tal-pajjiżi li għandhom il-munita ewro.
Skont il-Eurostat, bejn Lulju u Settembru, il-fabbriki f’Malta pproduċew bejn 0.8% u 1.7% inqas mix-xahar ta’ qabel.
Imma meta t-tqabbil isir mal-istess xhur tas-sena ta’ qabel, il-produzzjoni mill-fabbriki żdiedet, bi 3.5% f’Settembru u bi 8.5% u 8.9% fix-xahrejn ta’ qabel.
Bħala medja, il-produzzjoni fil-fabbriki taż-żona ewro naqset ukoll, b’0.3% f’Settembru mqabbla ma’ Awwissu, imma żdiedet b’1.7% fuq bażi ta’ sena.