Il-produtturi tal-‘ifjen inbid aħmar fl-Afrika t’Isfel’ issa f’Malta

Jekk inti wieħed minn dawk li tieħu gost b’tazza nbid tal-Afrika t’Isfel, se tieħdu gost bl-aħbar li Farsons żiedet żewġ inbejjed rinomati ta’ Klein Constantia u Anwilka fil-portafoll tagħha.
L-art tal-Anwilka Vineyards qiegħda 7 kilometri biss bogħod mill-oċean, fir-raħal ta’ Stellenbosch, fir-reġjun ta’ Helderberg. Wara li nxtrat, lejn tmiem id-90ijiet, tħawlu fiha 40 ettaru ta’ dwieli għall-produzzjoni tal-inbejjed Cabernet Sauvignon, Shiraz u Merlot. Anwilka stabbiliet ruħha madwar id-dinja bis-saħħa tal-inbid ‘vintage’ Syrah-Cabernet fl-2005, taħlita li ġiet deskritta bħala “l-ifjen inbid aħmar mill-Afrika t’Isfel”.
Minn naħa l-oħra, l-produzzjoni ta’ Klein Constantia tmur lura għall-1685 u l-għelieqi tad-dwieli tagħha huma meqjusin fost l-isbaħ fid-dinja, qalb siġar kbar, fuq l-għoljiet ta’ Constantiaberg, li jagħtu għal fuq False Bay. Mid-dwieli uniċi tal-Wied ta’ Constantia jsir portafoll sħiħ ta’ nbejjed li jinkludi wieħed mill-aqwa Sauvignon Blancs tar-reġjun, Méthode Cap Classique Brut, Riesling, Chardonnay, u taħlita mill-aqwa bbażata fuq il-Cabernet Sauvignon.