Il-produtturi tal-films jiktbu lill-Ministru biex tkeċċi lill-Kummissarju

Aġġornat 01:19 PM

Read in English.

L-Assoċjazzjoni tal-Produtturi tal-Films f’Malta kitbet lill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli għat-tkeċċija ta’ Johann Grech minn Kummissarju tal-Films.

Fl-ittra tagħhom, li ntbagħtet ukoll lill-Prim Ministru Robert Abela, il-produtturi qalu li issa għandhom evidenza ċara li l-Kummissjoni tal-Films f’Malta kienet qed taħdem biex tippromwovi lil ċerti individwi, filwaqt li teskludi lil oħrajn. Dan sejħulu “abbuż mill-pożizzjoni” li jikser il-liġijiet tal-kompetizzjoni u l-etika.

Fi stqarrija lbieraħ, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech ċaħad dawn l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu. Il-Kummissjoni qalet li min-naħa tagħha, ma tinterferixxix meta ssir l-għażla ta’ produzzjoni barrannija għall-produttur Malti.

Skont l-Assoċjazzjoni tal-Produtturi, l-industrija tal-films f’Malta se ssirilha ħafna ħsara lir-reputazzjoni tagħha minħabba dan l-aġir tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, hija talbet lill-Ministru biex tintervjeni b’urġenza u tneħħi lil Johann Grech mill-kariga.

Talbu wkoll laqgħa mal-Ministru sabiex jiddiskutu miżuri li jridu jiġu implimentati għal sistema iżjed miftuħa u ġusta.

L-MEA tappella lill-PM biex jintervjeni

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem f’Malta qalet li s-selettiviżmu f’dan il-każ huwa ta’ skandlu. Spjegat li d-deċiżjoni li jkun hemm xi kumpaniji ta’ produzzjoni li jingħataw preferenza fuq oħrajn hija inaċċettabbli, speċjalment peress li kumpaniji barranin ikunu eliġibbli għall-inċentivi tat-taxxa biss jekk jagħżlu l-fornitur mil-lista tal-Kummissjoni. Il-lista ddeskrivietha bħala ostaklu għal ħafna kumpaniji eliġibbli.

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni appellat lill-Prim Ministru biex jintervjeni sabiex isewwi s-sitwazzjoni.