Il-produttur tal-inbid rinomat Franco Conterno jżur Malta

Il-produttur tal-inbid, Franco Conterno, ta’ Poderi Aldo Conterno, dan l-aħħar kien f’Malta u mexxa sessjoni masterclass f’Farsonsdirect u Winemaker’s Dinner, fir-restorant il-ġdid ta’ Casa Ellul – Risette Restaurant.
Il-familja Conterno hija minn Monforte d’Alba, żona qalb id-dwieli ta’ Bussia Soprani f’nofs ir-reġjun ta’ Barolo ta’ Serralunga, u ilha tipproduċi l-inbejjed mill-aqwa Piemontese għal aktar minn ħames ġenerazzjonijiet. Fl-aħħar għaxar snin, l-inbejjed ta’ Aldo Conterno saru aktar tradizzjonali fl-istil tagħhom, u ġibdu l-passjoni ta’ dawk kollha li jħobbu l-inbejjed Taljani. Aldo Conterno, li ħalliena fl-2012, fl-Italja hu magħruf bħala r-“Re tal-Barolo”. Id-dinja tal-inbid tilfet mhux biss pijunier u persuna b’viżjoni, imma wkoll raġel ta’ dinjità u grazzja kbira. B’xorti tajba, Aldo ħarreġ lit-tliet uliedu biex jimxu fuq il-passi tiegħu ħalli l-art agrikola tagħhom mhux biss tkompli tipproduċi l-inbejjed imma tiffjorixxi.
Franco beda s-sessjoni li saret fil-ħanut ta’ Farsonsdirect, l-Imrieħel, bl-inbid tal-familja ‘Conca Tre Pile’, inbid ta’ Barbera d’Alba, segwit bl-inbid Langhe Rosso u n-Nebbiolo fantastiku ‘Il Favot’. L-inbejjed ta’ attrazzjoni kienu bla dubju ta’ xejn il-Barolos ‘Cicala’ u ‘Colonello’, it-tnejn li huma mill-vendemmja tal-2006 li ntbagħtu mill-kantini ta’ Conterno speċifikament għal din il-masterclass.
Il-Winemaker’s Dinner serva ta’ okkażjoni speċjali biex jimmarka wkoll il-ftuħ ta’ Risette Restaurant f’Casa Ellul, il-Belt. Ix-Chef Andrew Borg, li qabel kien chef-patron fir-restorant The Black Pig, ikkombina bil-ħila esperta tiegħu l-inbejjed ta’ Conterno mal-platti kreattivi tiegħu.