Il-produttriċi tal-inbid Julia Walch f’Malta

Julia Walch, mill-marka magħrufa tal-produzzjoni tal-Alto Adige, Elena Walch, dan l-aħħar żaret pajjiżna biex tmexxi sessjoni ta’ wine tasting f’Farsonsdirect u pranzu bl-istess inbid f’The Fork & Cork, ir-Rabat. Dawn iż-żewġ avvenimenti ttellgħu minn Farsons Beverage Imports Company (FBIC) Limited.
Bil-ħeġġa tagħha għall-kwalità u l-innovazzjoni, Elena Walch mexxiet ir-rivoluzzjoni fil-kwalità tal-inbid tal-Alto Adige u kisbet stima lokali u internazzjonali għall-isforzi tagħha.
Elena Walch, li hi perit professjonali, iżżewġet f’waħda mill-eqdem u l-aktar familji sinifikanti tal-inbid ta’ dan ir-reġjun u żewqet il-pedament tradizzjonali b’kunċetti ġodda u moderni. Illum, ir-responsabbiltà tan-negozju tal-familja qiegħed f’idejn uliedha – Julia u Karoline Walch, li diġà huma l-ħames ġenerazzjoni.
Il-filosofija tal-marka hi ddedikata lejn l-art agrikola tagħha – l-idea li l-inbejjed iridu jkunu l-espressjoni individwali tal-art, tal-klima u l-kultivazzjoni tagħhom fl-għelieqi tad-dwieli – u li din trid tinżamm skont il-prinċipji tas-sostenibbiltà u mgħoddija lill-ġenerazzjoni ta’ wara. Il-kumpanija temmen li l-kwalità tal-inbid tinħoloq fl-għelieqi u din teħtieġ ħidma kontinwa għax dawn huma kollha individwali. B’55 ettaru ta’ kultivazzjoni, Elena Walch hi fost waħda mill-aktar protagonisti importanti tal-produzzjoni tal-inbid f’Alto Adige.
L-inbejjed ippreżentati waqt il-pranzu kienu jinkludu l-Cabernet Sauvignon Riserva Castel Ringberg 2011 u l-Beyond the Clouds 2013, inbid kulturali li ngħata l-ogħla punti diversi drabi fil-Wine Spectator’s Top 100 Italian Wines.