Il-prodotti Maltin issa b’marka ta’ kwalità

Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri nieda skema li se tkun qed turi li ċertu prodotti Maltin ikunu laħqu standards Ewropej flimkien ma’ ċertu standards oħra.
Fi stqarrija, Camilleri ħabbar kif għall-ewwel darba Malta rnexxielha tistabbilixxi skema ta’ kwalità għall-prodotti agrikoli f’Malta, l-iskema Prodott ta’ Kwalità.  Spjega kif il-Gvern bena struttura legali u amministrattiva biex il-politika tkun imfassla fuq proċess miftuħ u li jiggarantixxi verament prodotti li fihom valur.
Intqal li l-Marka ta’ Kwalità hija garanzija lil min qed jixtri li dak li qiegħed jinxtara mhux biss jilħaq l-istandards minimi Ewropej iżda li jkun fih ukoll ċertu kwalitajiet, bħal fil-mod kif ġie kkultivat jew imrobbi, trattat, imwassal, jew ippakkjat.
Il-kwalitajiet jistgħu jkunu marbutin mat-togħma, mal-ingredjenti jew mad-dehra tal-prodott, kundizzjonijiet ambjentali milħuqa fil-proċess, jew saħansitra kontribut soċjali li kumpaniji jagħtu lis-soċjetà.
Il-kwalità tiġi murija lill-konsumatur permezz ta’ Marka ta’ Kwalità.
Clint Camilleri qal li biex it-twettiq ta’ din il-politika tkun sostenibbli ġie assigurat li kull min jipparteċipa fit-tħejjija ta’ Marka ta’ Kwalità jkun jista’ jibbenefika minn fondi Ewropej. Saħaq li b’dan il-mod mhux biss tingħata l-possibbiltà lill-produtturi Maltin biex jadottaw prattiċi bi standards għolja iżda wkoll biex il-Marka ta’ Kwalità li tkun rikonoxxuta mill-Kummissjoni Ewropea.