Proċess iqsar jista’ jsolvi l-problema tal-mediċini ‘out of stock’ – Kummissarju għas-Saħħa

Il-Kummissarju għas-Saħħa fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman Charles Messina dwar il-problemi tal-mediċini ‘out of stock’ qal li proċess iqsar tat-offerti jista’ jsolvi l-problema.

Charles Messina qal dan meta kien qed jispjega  kemm iddum mediċina biex tasal għand id-dipartiment, li f’dan il-każ hija bejn sitt u disa’ xhur.  Qal dan wara li lbieraħ ippreżenta rapport dwar il-problema tal-mediċini ‘out of stock’. 

Huwa semma kif il-Gvern jixtri mal-1,300 mediċina u kull offerta toħroġ darba fi-sena.  Huwa qal li mill-istħarriġ ħareġ li hemm għaxar proċessi biex il-mediċina titqassam.

Ir-rapport li ġie ppreżentat f’għeluq is-sena minn meta twaqqaf l-Uffiċċju tal-Kummssarju tas-Saħħa u tal-Ambjent u l-Ippjanar fl-Uffiċċju tal-Ombudsman jirrakomanda fost l-oħrajn li l-offerti għandhom jinħarġu għal kuntratt ta’ tliet snin, biex b’hekk joħorġu 440 sejħa għall-offerti kull sena minflok l-1,300 li joħorġu llum.