“Il-proċess hu diffiċli iżda wara, kulħadd mal-kap” – Zammit Dimech

Read in English.


Is-segretarju ġenerali Francis Zammit Dimech qal li l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, bejn il-Ġimgħa u s-Sibt li ġej se jagħżel it-triq il’quddiem għall-PN.

Meta kien qed jitkellem waqt il-programm Newsbook Hour fuq 103FM, Zammit Dimech qal li l-għażla li għandhom 1,600 kunsillier hu jekk jagħtix vot ta’ fiduċja lill-Kap prezenti Adrian Delia jew inkella jtellaq it-tiġrija għal kap il-ġdid.

Zammit Dimech qal li l-konvenzjoni għat-tesserati se jitlaqqa’ darba biss u dan għandu jsir fi żmien tlieta jew erba’ ġimgħat.

Zammit Dimech qal li l-Kunsill Ġenerali jista’ jmur quddiem il-Konvenzjoni bejn b’vot ta’ fiduċja f’Adrian Delia jew inkella b’żewġ kandidati għal ħatra ta’ mexxej ġdid.

Għal dan il-għan, Zammit Dimech ħabbar lil Dr Peter Fenech inħatar bħala c-chairman il-ġdid tal-Kummissjoni Elettorali interna, wara r-riżenja ta’ Ġejtu Vella.

“Dan hu proċess li għandu d-diffikultà tiegħu iżda wara li ssir l-għażla finali nistenna li kulħadd jingħaqad wara l-kap tal-partit,” stqarr Zammit Dimech.


Huwa qal li minn dan kollu qed joħroġ punti pożittivi ukoll tant li baqa’ impressjonat bin-numru ta’ nies li qed imorru d-Dar Ċentrali biex iġeddu t-tessera tal-partit. Huwa qal li trid tkun ilek sentejn membru tal-PN biex tivvota fil-konvenzjoni.


Waqt l-istess programm, Dr Bernard Grech qal li “Jekk il-pajjiż isejjaħli, jekk il-partit isejjaħli u importanti li l-ewwel il-pajjiż għax aħna nidħlu fil-politika mhux għall-partit iżda għall-pajjiż, jien, iva, jiena lest li nikkunsidra l-pożizzjoni tiegħi f’dak li jista’ jkun hemm bżonn”.