“Il-proċess għal Mexxej ġdid qed jgħaqqad” – Muscat

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-proċess għall-għażla ta’ Mexxej ġdid għall-Partit Laburista qed jgħaqqad. Huwa qal dan b’kuntrarju għal dak li ġara fil-Partit Nazzjonalista fejn l-elezzjoni għal Kap tal-PN, Muscat qal li din “kissru, farrku u qasmu f’elf biċċa b’tali mod li ma jistgħu qatt jerġgħu jingħaqdu”.

F’kollegament qasir fuq ONE Radio, Muscat qal li huwa kburi li hemm process miftuħ u hemm diskussjoni ċivilissima bejn żewġ kontestanti tajbin ħafna. Spjega li dwar it-triq ‘il quddiem hemm għaqda sħiħa dwar id-direzzjoni li jrid jieħu l-Partit Laburista.

Inkjesta Egrant

Muscat reġa’ iddefenda d-deċiżjoni tiegħu li ma jippubblikax l-inkjesta Egrant hekk kif l-Avukat Ġenerali tah il-parir li l-pubblikazzjoni tar-rapport sħiħ setgħet tippreġudika l-investigazzjonijiet.

Qal li huwa ma ndaħalx lill-Pulizija dwar ix-xogħol tagħhom minħabba li l-Maġistrat kien ordna li ssir investigazzjoni u li jkun hemm proċeduri fil-Qorti kontra xi persuni.

Dwar responsabbiltàpolitika, Muscat qal li huwa refa’ din ir-responsabbiltà anke fejn ma kellux ħtija iżda qal li membri tal-Oppożizzjoni li gidbu fuqu għadhom ma refgħux din ir-responsabbiltà.

Skont Muscat, l-inkjesta Egrant tikkonferma li xi ħadd iffalsifika dokumenti li permezz tagħhom ippruvaw joħolqu frame-up fuqu u fuq il-mara tiegħu Michelle Muscat. Saħaq li dawn ippruvaw jiddistabilizzaw lill-pajjiż ukoll.

Muscat stqarr li dan il-grupp ta’ nies huwa ffurmat mill-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u n-nies ta’ madwaru. Qal li l-poplu fl-elezzjoni ġenerali tal-2017 ma emminx u għalhekk ma tax każ dawn l-affarijiet. Spjega li kieku kien għal ħaddieħor kien iġib pożizzjoni “inkrapattiva ferm” għal Malta.