Il-proċess għadu għaddej biex jitwaqqaf ir-Regolatur tal-Bini u l-Kostruzzjoni – il-Ministru Borg

Read in English.

Il-proċess biex jitwaqqaf ir-Regolatur tal-Bini u l-Kostruzzjoni għadu għaddej. Dan qalu l-Ministru għall-Ippjanar Ian Borg fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija parlamentari mid-deputat tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina.

Aquilina staqsa lill-Ministru Borg biex jinforma lill-Parlament dwar f’liema stadju wasal il-proċess biex jitwaqqaf ir-Regolatur tal-Bini u l-Kostruzzjoni.

Borg fis-seduta li saret lejn l-aħħar ta’ Mejju nforma lill-Parlament li sa dakinhar kienu għadu għaddej il-proċess ta’ laqgħat ma’ diversi entitatjiet u l-persuni konċernati filwaqt li qed tiġi mħejjiha l-liġi li biha se jitwaqqaf ir-regolatur.

F’intervista li saret is-Sibt biex tixxandar il-Ħadd mal-mexxej tal-Partit Laburista u l-Prim Ministru Joseph Muscat fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista, Muscat sostna li mhux se joqgħod jistenna l-investigazzjoni li hemm bżonn issir imma li għandu jsir xi ħaġa dwar l-infurzar fil-kostruzzjoni. Huwa sostna li sakemm jispiċċaw l-investigazzjonijiet, hemm miżuri oħra li għandhom jittieħdu. Qal li għalih mhux aċċettabli li wieħed joqgħod jistenna inkjesti fit-tul. Muscat sostna li l-ġimgħa d-dieħla fil-kapaċità tiegħu ta’ Prim Ministru se jsejjaħ għal numru ta’ laqgħat għal persuni u organizzazzjonijiet f’dan il-qasam.

AQRA: Filmat: Sakemm jispiċċaw l-investigazzjonijiet hemm bżonn jittieħdu xi miżuri – Muscat

F’inqas minn sena, iġġarfu tliet binijiet f’Malta li maġenbhom kienet għaddejja l-kostruzzjoni. L-ewwel każ seħħ f’Novembru tas-sena 2018, meta maħżen ta’ żewġ stabbilimenti iġġarraf. Dakinhar minkejja l-ħerba, b’xorti tajba ma ndarbet l-ebda persuna. Inqas minn xahrejn ilu binja ġġarrfet fil-Pietà b’persuni jispiċċaw bla saqaf fuq rashom. Filwaqt li s-Sibt waqgħet binja fil-Mellieħa li ġo fiha kien hemm mara ta’ 77 sena li garbet ġrieħi ħfief.