“Il-proċeduri tal-bullying mhux jintużaw, l-iskejjel jippreferu jżommu l-każ fil-magħluq” – LSE

Learning Support Educator (LSE) li taħdem fi skola sekondarja qalet ma’ Newsbook.com.mt li kemm ilha hemmhekk hi l-iskola ma jidhirx li għamlet użu mis-sistemi kontra l-ibbuljar li tkellem dwarhom il-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Hi qalet li xi ħaġa li l-iskejjel jippruvaw jagħmlu hija li kemm jista’ jkun iżommu każijiet ta’ ibbuljar ġewwa l-iskejjel u jsolvuhom internament.
Waqt intervista, il-LSE qalet kif l-iskola partikolari li taħdem fiha tuża l-break-ins jew inkella żżomm l-istudenti wara l-iskola (after school), bħala kastig għal dawk li b’xi mod jew ieħor ikunu intimidaw lil xi student ieħor.
Spjegat ukoll li tintuża sistema ta’ punti fejn aktar ma student ikollu punti, aktar jeħel break-ins jew ħin wara l-iskola. Għaldaqstant tgħid li l-iskola qatt ma’ keċċiet lil ħadd temporanjament permezz ta’ xi exclusions minħabba każ ta’ ibbuljar.
Hi nsistiet li filwaqt li din is-sistema taħdem fuq ċertu tfal, fuq il-maġġoranza tagħhom jidher li ma tħalli l-ebda effett.
Fl-opinjoni tagħha, it-tfal jibdew jitgħallmu li qed jagħmlu ħażin meta ma tħallihomx jagħmlu xi ħaġa li jħobbu jagħmlu u tgħid li jekk wieħed iħobb jilgħab il-futbol, ma tħallihx jagħmel dan sakemm jirrealizza bil-ħażin li qed jagħmel.
Il-LSE kompliet tgħid li hemm bżonn li s-sistemi li hemm imfassla fil-Politika Nazzjonali kontra l-Ibbuljar għandhom jittieħdu b’aktar serjetà u temmen li jistgħu jintużaw bħala pjattaforma sabiex l-iskejjel jieħdu passi aktar sodi fejn jidħol il-bullying.