“Il-problemi mentali jaffettwaw lil kulħadd” – Il-President

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca qalet li l-problemi ta’ saħħa mentali jaffettwaw lil persuni minn kull qasam tal-ħajja. Hi kienet qed titkellem fl-għeluq ta’ kors ta’ empowerment  għall-family care-givers ta’ individwi li għandhom problemi ta’ saħħa mentali, organizzat mill-Mental Health Association Malta, bl-appoġġ ta’ The Malta Community Chest Fund.
Il-President spjegat li “ħadd mhu aħjar minn ħadd fejn jidħlu l-isfidi marbuta mas-saħħa mentali.  Il-problemi tas-saħħa mentali ma jagħżlux lin-nies”, filwaqt li żiedet li, l-isfidi marbuta mas-saħħa mentali jistgħu jaffettwaw lil kulħadd, fi kwalunkwe stadju ta’ ħajjithom.
Tkelmet fuq l-esperjenza li kellha ftit tax-xhur ilu meta żaret u tkelmet mas-service users tad-day centres. Il-President appellat biex kulħadd jaħdem f’sinerġija mal-professjonisti kollha fis-settur, kif ukoll mal-individwi u l-familji milquta biex flimkien “ninkoraġġixxu aktar djalogu miftuħ u għaldaqstant apprezzament tal-isfidi li jgħixu kontinwament dawn l-individwi milquta, ħalli l-komunitajiet tagħna jgħarrfu l-ħtieġa ta’ appoġġ xieraq fuq dan il-livell.”
Hi appellat ukoll li, jekk irridu noħolqu pajjiż fejn kulħadd iħossu tassew inkluż u mogħti d-dinjità li jixraqlu jew jixirqilha, trid tkompli għaddejja l-ħidma kontra l-istigma biex inneħħu t-tabù li sfortunatament għadu jeżisti dwar il-problemi ta’ saħħa mentali.
Fl-aħħarnett, il-President Coleiro Preca rringrazzjat lill-uffiċċjali tal-Assoċjazzjoni għax-xogħol siewi kontinwu tagħhom, u lill-parteċipanti tal-Empowerment course, li permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom qed jiżviluppaw ħiliet prattiċi li jgħinuhom jiffaċċjaw l-isfidi tas-saħħa mentali, u jibnu reżiljenza huma, l-familji tagħhom u n-nies ta’ madwarhom.
Ritratt: OPR