“Il-problema tan-nuqqas ta’ infermiera tort tal-PN” – PM

Joseph Muscat

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat sostna li kien il-Partit Nazzjonalista ħoloq il-problema kbira tan-nuqqas ta’ infermiera, meta fi kliemu ddeċieda li jnaqqas l-għadd ta’ studenti li jistgħu jieħdu l-kors kull sena.

Dan qalu waqt kollegament telefoniku fuq One Radio meta kien qed jikkummenta dwar l-aħħar avvanzi li għamel il-Gvern flimkien mal-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) sabiex jasal għal ftehim settorjali favorevoli u jwaqqaf l-azzjonijiet industrijali li kienu għaddejja fl-Isptar Mater Dei.

Insista li kontra l-aġir tal-PN, li fi kliemu moħħu biex isib il-problemi u jużahom biex jipprova jagħmel il-ħsara, il-Gvern ipoġġi u jisma’ lill-unjins u jipprova jsib soluzzjoni. “Nuru kif il-Gvern iwassal għal soluzzjonijiet mingħajr ħafna storbju,” kompla jgħid.

“Kapaċi nsolvu problema b’diskussjoni internazzjonali wkoll”

B’referenza għas-summit Ewropew li fih ġiet diskussa soluzzjoni għall-problema tal-immigrazzjoni fl-Ewropa, Dr Muscat insista li bħala Gvern mhux talli kapaċi jsolvi l-problemi f’pajjiżu iżda jissielet biex isolvi problemi fuq livell internazzjonali wkoll.

Irrimarka kif din il-ġimgħa 51 immigrant fost il-243 li ġew abbord il-bastiment MV Lifeline ntbagħtu Franza u l-bqija li jikkwalifikaw għall-ażil se jitqassmu ma’ aktar pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.

Insista li l-każ tal-Lifeline ġara minħabba kaptan li ddeċieda li ma jsegwix il-liġijiet tant li stqarr ikkawża numru ta’ problemi.

Dr Muscat faħħar il-ħidma tal-Forzi Armati ta’ Malta li huma impenjati bis-salvataġġ ta’ aktar persuni fl-ibħra tal-Mediterran. Sostna li min jgħid li dawn mhux qed jagħmlu xogħlhom ma jafx x’inhu jgħid.

“Il-Parlament aġġorna imma l-Gvern le”

Joseph Muscat sostna li minkejja li l-Parlament aġġorna għal xahrejn, il-ħidma tal-Gvern se tibqa’ għaddejja. Fakkar fil-bosta liġijiet li għaddew fl-aħħar sena, li insista huma wħud li jagħmlu differenza, fosthom semma l-vjolenza domestika, il-kannabis mediċinali, l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun, iż-żwieġ indaqs u l-qasam tal-blockchain.